Internazzjonali

Indoneżja: Mejtin fost il-qerda wara terremot fil-gżira ta’ Sulawesi

L-iskwadri tas-salvataġġ qed ifittxu għan-nies li ntradmu taħt sezzjoni ta’ sptar li krollat waqt terremot li laqat il-gżira ta’ Sulawesi. F’dan it-terremot ikkrollaw ukoll numru ta’ djar, biċ-ċifra tal-mejtin taqbeż l-40 — almenu għalissa.

It-terremot, li mmarka 6.2 fuq l-Iskala Richter, laqat il-gżira ftit sigħat wara li kienet inħasset theżżiża oħra iżgħar. Intant, it-terremot kbir kellu jħalli wkoll mijiet ta’ feruti, waqt li eluf ta’ Indoneżjani spiċċaw jgħixu fl-apert minħabba s-sitwazzjoni perikoluża.

L-Indoneżja għandha storja twila ta’ terremoti qattiela, bl-awtoritajiet jikkonfermaw il-mewt ta’ tmien persuna fil-kollass ta’ parti mill-Isptar ta’ Mitra Manakarra f’Mamuju. Dan waqt li għexieren ta’ nies spiċċaw evakwati mill-isptar.

L-uffiċjali tas-salvataġġ qed jinkwetaw li ċ-ċifra tal-mejtin tilħaq titla’ sew fis-sigħat sussegwenti, bl-isforzi tas-salvataġġ ikomplu tul il-ġurnata.

L-epiċentru tat-terremot kbir kien irrappurtat xi sitt kilometri lejn il-grigal mill-belt ta’ Majene u fejn kellu fond ta’ għaxar kilometri. Anki f’Majene, fl-aħħar sigħat, kienu konfermati numru sinifikanti ta’ vittmi u midruba.

L-awtoritajiet Indoneżjani, intant, fissru s-sitwazzjoni wara t-terremot bħala ‘ħażina’ u spikkaw it-twissijiet li l-movimenti tal-iskwadri għall-emerġenza lejn iz-zona jistgħu jkunu mfixkla mill-effetti tal-pandemija tal-coronavirus.

Għalkemm ma ħarġu l-ebda twissijiet dwar tsunami (il-mewġ tal-baħar kbir li jsegwi t-theżżiż tal-art f’zoni tad-dinja partikulari),  eluf ta’ nies xorta deċidew li ‘ma jieħdux iċ-ċans’ u fejn ħarbu lejn inħawi anqas perikolużi.