Lokali Qorti

Jinżammu arrestati wara li tressqu fuq serq ta’ għodda minn binja

Żewġt irġiel inżammu arrestati wara li ġew akkużati b’diversi reati relatati ma’ serq ta’ għodda minn sit tal-bini f’Ħal Qormi. L-Ispettur Roderick Agius akkuża lil Joseph Galea ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ li huwa bla xogħol u lil Emanuel Degabriele ta’ 31 sena minn Ħ’Attard, li xogħolu huwa li jġorr l-għamara quddiem il-maġistrat Yana Micallef Stafrace.

Il-Ħamis 14 ta’ Jannar, il-Pulizija, waqt li kienet qed taġixxi fuq tip off sabet karozza Kia Avella ħdejn sit tal-kostruzzjoni bl-għodda misruqa moħbija ġewwa.

L-irġiel instabu fil-viċin, jippruvaw jistaħbaw u li huma kienu qegħdin jiksru l-curfews tal-pleġġ tagħhom, spjega l-Ispettur Roderick Agius. L-irġiel ġew akkużati li wettqu s-serq aggravat tal-għodda, kif ukoll li kellhom fil-pusses tagħhom oġġetti misruqa, li saru reċidivi u li kisru l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

L-Avukati Mario Mifsud, għal Galea u Charles Mercieca, għal Degabriele, qalu li l-klijenet tagħhom mhumiex ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. Degabriele qal li kien fi triqtu lejn klinika minħabba uġigħ fis-sidru, qal Merceica, u żied li l-Pulizija ħaduh hemm u li r-raġel kellu ċertifikati mediċi biex jipprova dan.

“Degabriele qed jgħid li ma kellu xejn x’jaqsam mar-reat. Ma kien hemm l-ebda evidenza li rabtitu miegħu. L-unika raġuni li ġie arrestat kienet minħabba li kien ħabib tal-akkużat l-ieħor,” issottometta Mercieca, billi sostna li kien obda b’mod skrupluż il-kundizzjonijiet tal-pleġġ tiegħu.

Il-Qorti, madankollu, ċaħdet il-libertà proviżorja lil Degabriele. Wara li argumenta mal-klijent tiegħu, l-avukat ta’ Galea, Mario Mifsud talab lill-qorti għall-ħelsien mill-arrest, u b’nofs ta’ ċajta qal li kien se jgħid talba minflok jagħmel sottomissjonijiet, waqt li f’idu kellu stampa qaddisa.

Mifsud, madankollu, deher frustrat fejn irrimarka li l-ispettur kien naqas li jsemmi fil-Qorti li Galea kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. Il-Qorti osservat li Galea ma kellux indirizz fiss u ċaħditu l-libertà proviżorja wkoll.