Lokali Parlament

Konferma tal-manuvri tal-mistħija

Wara l-manipulazzjoni li saret ħalli jkollu madwaru lil dawk li jrid hu biss, il-Prim Ministru Robert Abela kompla jiddefendi l-mossa li għamel fuq is-7 Distrett – il-ġurament u r-riżenja ta’ Gavin Gulia mill-Parlament f’temp ta’ 60 sekonda. Mistoqsi mill-media, Robert Abela ma’ ċaħadx li kien hu li talab lil Gavin Gulia biex jirriżenja sekondi wara li ħa l-ġurament ta’ Deputat Parlamentari.

Fl-istess waqt, aktar membri tal-Kabinett komplew jikkonfermaw li l-manuvri ta’ Robert Abela fil-Parlament, biex fih ikollu lil min irid hu u mhux lil min jgħażel l-elettorat, ħadd ma kien jaf bihom, manuvra tal-Prim Ministru minn wara dahar kulħadd.

Din il-konferma waslet mill-membri tal-Kabinett stess, li ma’ NET News stqarrew kif la l-Kabinett u lanqas il-Grupp Parlamentari Laburista ma kien jaf bil-logħba chess li ppjana Abela, bl-użu ta’ Gavin Gulia.

Wara li kkonfermawlna dan kollu il-Ministri Jose Herrera u Carmela Abela kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista issa kien imiss lill- Ministru Michael Farrugia. Minn naħa l-oħra l-Ministru Owen Bonnici kien wieħed mill-ftit li ħareg għonqu ghal Robert Abela.

Intant, il-Ġimgħa filgħodu, il-Prim Ministru kkonferma li huwa Oliver Scicluna l-magħżul tiegħu biex jidħol fil-Parlament wara l-aħħar manuvri li saru biex is-siġġu ta’ Edward Scicluna. L-isem ta’ Oliver Scicluna tressaq quddiem il-Grupp Parlamentari Laburista għall-approvazzjoni.