Futbol Sport

L-eks internazzjonali Malti, Ivan Woods mistieden f’Replay Preview tal-lejla

Appuntament ieħor mat-tim ta’ Replay, mis-serje ta’ programmi tal-Ġimgħa filgħaxija, fid-9:30pm fuq Net Television

L-eks plejer internazzjonali Malti, Ivan Woods, li llum għandu 44 sena, se jkun il-mistieden speċjali f’Replay Preview tal-lejla, tal-Ġimgħa filgħaxija fid-9:30pm fuq Net Television. Woods, li tul il-karriera tiegħu lagħab ma’ ħames klabbs differenti lokali u rebaħ fost l-oħrajn xejn inqas minn erba’ Kampjonati, se jkun l-ewwel personalitá tas-sena l-ġdida fir-rubrika tant popolari mill-passat f’Replay, ‘X’Sar Minnhom?.

F’Replay Preview tal-lejla, li dan l-istaġun qed jixxandar minn studio armat apposta fir-restorant popolari mal-Maltin u l-Għawdxin fis-Saqqajja, Il-Veduta se jkun hemm gwida għall-partiti kollha li huma skedati li jintlagħbu matul din it-tmiem il-ġimgħa mill-Kampjonat Premier, b’diskussjoni dwar il-partiti qabel jintlagħabu bis-sehem tal-mistieden residenti ta’ Replay, Konrad Sultana.

Apparti l-preview għall-partiti ta’ tmiem il-ġimgħa, fil-programm tal-lejla jintwerew is-servizzi tal-partiti mill-Kampjonat Premier li ntlagħbu f’nofs din il-ġimgħa, kif ukoll tal-partita tal-lejla bejn Sirens u Ħamrun Spartans.

Ikun hemm ukoll parenteżi dwar il-futbol internazzjonali lejn l-aħħar tal-programm. Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija hu ppreżżentat minn Christian Micallef, li jieħu ħsieb ukoll il-produzzjoni tal-programm flimkien ma’ Stephen Chircop.

Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija hu mwassal bl-appoġġ ta’ dawn il-kumpaniji kummerċjali: IZIBET, Il-Veduta Restorant li jinsab fis-Saqqajja, J. Portelli Projects, Dove, Churchill Master Butchers u Tescoma Malta.