Internazzjonali

Jikrolla l-Gvern ta’ Rutte wara akkużi infondati dwar ‘serq ta’ benefiċċji għat-tfal’

Il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Olandiż, Mark Rutte warrab mill-poter fuq deċiżjoni kollettiva u wara ‘inġustizzja kbira’ li saret lill-eluf ta’ familji. Intant, il-Gvern mistenni li jkompli jmexxi għal żmien temporanju sakemm, f’Marzu, isiru l-elezzjonijiet għall-Parlament.

Il-Prim Ministru Rutte iddeċieda li jħallas il-prezz politiku wara li dawn il-familji faċċjaw l-akkużi żbaljati li ‘qarrqu bl-awtoritajiet’ meta aċċettaw ħlas ta’ benefiċċji għat-tfal — bl-istess familji jkunu ordnati biex iħallsu l-flus lura lill-Istat.

Intant, id-deputati Olandiżi, issa, deċidew li l-familji ‘spiċċaw isofru mingħajr qatt ma għamlu xi ħaġa ħażina’. Kien innutat ukoll li l-familji, f’dawk iċ-ċirkustanzi, ‘ma setgħu jagħmlu xejn’ quddiem l-aġir tal-politiċi, l-uffiċjali tat-taxxa, l-imħallfin u l-uffiċjali ċivili’.

Ħafna mill-familji inkwistjoni għandhom nisel barrani u, b’konsegwenza tal-akkużi foloz, mijiet spiċċaw ibatu d-diffikultajiet finanzjarji.

Aktar tard, Rutte se jissottometti r-riżenja tal-Kabinett sħiħ lir-Re tal-Olanda, Willem-Alexander.

Il-kroll tal-Kabinett Olandiż kellu jseħħ fi żmien kruċjali għall-pajjiż li qed jikkumbatti l-pandemija tal-Covid-19. Dan meta l-Olanda tinsab taħt lockdown u meta fl-aħħar ġranet, il-Ministri f’The Hague kienu qed jikkunsidraw li jintroduċu miżuri aktar riġidi biex jikkontrollaw il-firxa tal-infezzjonijiet bil-coronavirus.

Din mhix l-ewwel darba li Gvern Olandiż irriżenja ‘b’mod totali’ bħala ġest ta’ responsabbiltà kollettiva.

Fl-2002, il-Kabinett kien iddeċieda li jwarrab wara li rapport ikkritika lill-Ministri u lill-militar tal-Olanda b’li naqsu milli jevitaw il-massakru ta’ Musulmani fi Srebrenica, waqt il-gwerra tal-Bosnja, u li kien seħħ matul is-sajf tal-1995 – proprjament seba’ snin qabel.