Għadu mhux ċar jekk l-għalliema u l-edukaturi hux se jkunu qed jingħataw prijorità sabiex jieħdu t-tilqima għal konta l-COVID.
Il-ġimgħa li għaddiet il-union tal-għalliema ordnat strajk ta’ jumejn wara li l-Gvern akkost ta’ kollox ried jiftaħ l-iskejjel appena jintemmu l-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena… dan meta pajjiżna kien qed jirreġistra numri rekord ta’ każi ġodda pożittivi.
L-iskejjel reġgħu fetħu l-bibien tagħhom it-Tnejn li għadda wara li ntlaħaq ftehim fejn fost l-oħrajn l-edukaturi kienu se jingħataw prijorità għat-tilqim kontra l-COVID-19.
Iżda meta kien intervistat minn Saviour Balzna waqt il-programm Xtra, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-għalliema se jkunu qed jitlaqqmu wara li jieħdu t-tilqima l-frontliners kollha kif ukoll l-anjzani kollha. Dan jikkontrasta bil-kbir ma’ dak li kienet mwiegħda l-MUT li l-għalliema se jkollhom prijorità f’dan il-proċess ta’ tilqim.
Chris Fearne qal li sat-Tnejn li għadda, f’pajjiżna kienu waslu 26,550 tilqima immanifatturata mill-kumpanija Pfizer, bl-istess Fearne jammetti li l-konsinja li waslet s’issa ma kinitx waħda kbira. L-istess bħalma ġara fil-konsinja li waslet ftit tal-jiem ilu mill-kumpanija Moderna.
Apparti dan, mill-Astra Zenica,pajjizna għandu miljun doza bbukkjata, fejn jidher li fi Frar jibdew jaslu batches minn dawn id-dozi.
Fearne appella lill-pubbliku biex fil-Karnival in-nies ma jinġabrux f’daqqa fid-djar privati …bħalma kien hemm sitwazzjonijiet fi żmien il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Jekk dan isir… dawk li se jbatu huma l-persuni li jispiċċaw fit-Taqsima tal-Kura Intersiva minħabba l-aġir ta’ nies irresponsabbli.
//= $special ?>