Lokali Qorti

Mhux ħati li kkommetta frodi ta’ €70,000 fuq negozju ta’ propjetà fir-Rumanija

Ivan Farrugia ta’ 48 sena minn Naxxar ġie lliberat minn frodi ta’ €70,000 fil-konfront ta’ koppja fuq flus li rċieva bħala Amministratur ta’ kumpanija fir-Rumanija. Huwa ma nstabx ħati li somma flus li huwa ngħata ma nvestijiex fil-propjetà kif kellu jagħmel għan-nom tal-koppja biex żamm il-flus għalih.

Stephen u martu Anita Pace kienu qed jallegaw li ġew iffrodati minn Farrugia. Huma marru jkellmu lill-Avukat tagħhom u qalu li kienu talbu lura l-flus minħabba li ġew imqarrqa fuq investiment li kellu jsir.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella fis-sentenza tagħha qalet li skont il-liġi biex ir-reat ta’ frodi jiġi pruvat irid ikun hemm diversi elementi, fosthom li l-att irid ikun sar b’egħmil qarrieqi.  Is-somma ta’ €70,000 kienet għaddet mill-koppja fil-kont bankarju ta’ Farrugia, liema ammont kellu jintuża għal skop ta’ negozju fil-propjetà.

Qabel ma għaddew il-flus, kien iffirmat ftehim bejn Valletta Glass SRL, kumpanija reġistrata fir-Rumanija u l-koppja Pace filwaqt li Farrugia kien deher bħala Amministratur. Dan kien iffirmat fil-25 ta’ Jannar tal-2008, u iffirmawh biss żewġ azzjonisti tal-kumpanija, filwaqt li l-azzjonist ewlieni ma ffirmahx.

Il-Qorti qalet li  ġie ppruvat mix-xhieda ta’ Pace stess, li Farrugia stess li akkumpanjah għand il-Pulizija u l-Avukat biex jipprova jirkupra l-flus investiti minnu.  

Barra minn hekk il-Qorti nnutat li minkejja li Farrugia kien l-Amministratur tal-kumpanija u minkejja li jidher li kien jaf li l-azzjonist ewlieni ma riedx jagħmel negozju ma’ investituri Maltin, ma jirriżultax li huwa għamel xi pressjoni biex Pace jgħaddilu l-flus.

Il-Maġistrat Vella qalet ukoll li l-anqas kellu l-intenzjoni li jiffrodah u lanqas ma jirriżulta li Farrugia għamel xi qliegħ ieħor b’qerq u wisq anqas li dawwar il-flus li rċieva mingħand il-koppja bi profitt għalih jew għal ħaddieħor.

Il-Qorti qalet ukoll li din il-materja hija kwistjoni ċivili u li ġie ppruvat ukoll li Pace għadda l-flus minn jeddu wara li kien interessat li jinvesti. L-Ispettur Anne Marie Xuereb li mexxiet il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-Avukat Kenneth Grima għan-nom tal-koppja Pace kien ippreżenta kwerela fuq investiment fir-Rumanija fl-2008 fejn il-klijenti tiegħu għaddew l-ammont fi flus minn Malta f’kont fir-Rumanija f’isem Ivan Farrugia.

Il-ftehim ta’ investiment kellu perjodu ta’ ħames snin, u fl-għeluq ta’ dan il-perjodu, l-koppja Pace riedu flushom lura u xi profitti li kienu inġemgħu. Madankollu kienu ġew infurmati minn Farrugia, bħala Amministratur tal-kumpanija Valletta Glass SRL., kumpanija reġistrata fir-Rumanija, li ma kienux se jitħallsu minħabba li d-Diretturi tal-kumpanija ma kienux jafu bl-investiment tal-koppja Pace.

L-Ispettur Xuereb qalet li l-Ispettur Maurice Curmi li kellu l-każ f’idejh qabel ma ħaditu hi, kien investiga l-każ iżda kien deherlu li l-każ kien wieħed ċivili u għalhekk waqqaf l-investigazzjoni. Madankollu l-Avukat Kenneth Grima bagħat kwerela oħra għan-nom tal-koppja Pace u wara li ttieħed parir tal-Avukat Ġenerali, u reġgħet infetħet investigazzjoni.

Qalet li l-koppja Pace kienu infurmawha li Farrugia kien ħabib ta’ Stephen Pace peress li kienu jaħdmu fil-qasam tal-propjetà. Pace sar jaf li Farrugia, li dak iż-żmien kien qiegħed jirrapreenta lill-Valletta Glass SRL. u kien jinsab ir-Rumanija.

Dan fiż-żmien li kien hemm boom ta’ investiment f’dan il-pajjiż u kien Farrugia li ppropona lil Steve Pace sabiex jingħaqad magħhom bħala investitur, flimkien ma’ oħrajn, sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw biċċa art tal-kuntrattur Paul Said.

Il-koppja Pace kienu nteressati tant li ssellfu mill-bank, u talbu wkoll li jiltaqgħu mad-Diretturi tal-kumpanija, fejn kienet saret laqgħa ma’ Paul Camilleri u Michael Micallef li kienu azzjonisti tal-kumpanija Valletta Glass SRL., iżda Paul Said, l-azzjonist ewlieni ma kienx preżenti.

L-Ispettur Xuereb qalet li wara disa’ xhur mill-kuntratt Steve Pace wera x-xewqa li jieħu l-flus lura, iżda wara li l-imputat tkellem mad-Diretturi, dawn infurmawh li ma kienx possibbli minħabba li l-ftehim kien wieħed ta’ ħames snin.  

Xuereb qalet li Pace qalilha li qatt ma kienx iltaqa’ mad-Diretturi tal-kumpanija, iżda rnexxielu jiltaqa’ magħhom wara li għaddew il-ħames snin, f’liema laqgħa Paul Said ikkonfermalhom li ma kienux jafu b’dan il-kuntratt, u li ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dan in-negozju. Paul Camilleri u Michael Micallef infurmaw lil Pace li l-flus qatt ma kienu daħlu fil-kont tal-kumpanija fir-Rumanija.

Skont il-ftehim bejn Farrugia u Pace, l-art li fuqha kellu jsir l-investiment kellha tkun f’Balodesti, iżda minn investigazzjonijiet li saru, l-imputat uża l-flus ta’ Steve Pace biex xtara biċċa art f’Ghermanesti (ritratt), post li jinsab ‘il barra minn Balodesti.

Farrugia kien qal lill-Ispettur li Paul Said ma kienx interessat għax ma xtaqx investituri Maltin u Paul Camilleri u Michael Micallef qalulu biex jagħmel ftehim ta’ investiment minn wara dahar Said, għaliex dan eventwalment kien se jbiddel fehmtu.

Kien għalhekk li t-traferiment saru fil-kont bankarju personali tal-imputat fir-Rumanija. Għal Farrugia deheru l-Avukati Mario Mifsud, Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran.