Lokali

Mitt applikant jingħaqdu biex isalvaw is-siġar ta’ Ħad-Dingli

Fis-saga li għaddejja f’Ħad-Dingli biex jiġu salvati s-siġar ta’ 300 sena li jinsabu fil-periklu li jitqaċċtu, ir-residenti u l-attivisti ngħaqdu flimkien biex japplikaw b’mod urġenti għal Ordni ta’ Protezzjoni tas-Siġar, li tagħti s-salvagwardja legali lil dawn is-siġar tant antiki.

Xi xhur ilu, inħareġ Nature Permit biex jitqaċċtu dawn is-siġar, sabiex issir triq kontroversjali u dubjuża ferm,minn ġo art ODZ li għadha tinħarat. Madankollu, residenti, bdiewa u attivistiiwaqqfu x-xogħlijiet temporanjament permezz ta’ azzjoni diretta.

Issa, mitt persuna taw isimhom biex juru l-appoġġ tagħhom għall-Ordni għall-Ħarsien tas-Siġar, li tinnomina ż-żona bħala Żona ta’ Preservazzjoni tas-Siġar, peress li s-siġar u ż-żona fejn jinstabu jissodisfaw numru ta’ kriterji meħtieġa sabiex tingħata din il-protezzjoni, u dan għaliex:

  • Is-siġar għandhom iktar minn 300 mitt sena u tħawwlu fi żminijiet il-Kavallieri ta’ San Ġwann;
  • Huma maġenb għelieqi ODZ li jinħartu u b’hekk jipprovdu nutrijenti essenzjali għall-ħamrija għar-raba’;
  • Is-sistema ta’ għeruq estensivi tagħhom tikkontribwixxi biex tnaqqas l-erożjoni tal-ħamrija li għal darb’oħra hija essenzjali għall-għelieqi fil-viċin;
  • Hemm bosta spieri, magħmula mijiet ta’ snin ilu, li huma marbutin mal-għeruq tas-siġar taħt il-ħamrija li jintużaw sal-lum biex isaqqu l-għelieqi, u li jkunu fil-periklu ta’ ħsara irreparabbli jekk dawn is-siġar jinqerdu;
  • Jipprovdu kopertura tar-riħ meħtieġa għall-għelieqi fil-viċinanza;
  • Il-bijodiversità li evolviet matul il-mijiet ta’ snin mas-siġar infushom qatt ma tista’ tiġi sostitwita billi tħawwel siġar ta’ ftit żmien bħala kumpens;
  • Is-siġar jinsabu eżatt ħdejn knisja Skedata ta’ Grad 1 mill-1500 u għalhekk huma kulturalment u storikament sinifikanti;
  • Is-siġar jirrappreżentaw waħda mill-ftit żoni msaġġra li fadal f’Ħad-Dingli, raħal rurali li qed isir dejjem aktar urbanizzat. Dawn is-siġar jipprovdu dell, kenn, u ħafna iktar lin-nies kollha li jaħdmu u jgħixu fiż-żona.

Bosta entitajiet ħarġu kontra l-qtugħ ta ’dawn is-siġar prezzjużi, inklużi l-bdiewa taż-żona, ir-residenti taż-żona, il-Kummissjoni tal-Wirt Kulturali Kattoliku (KPKK), il-Kummissjoni Ambjentali Interdjoċesana (KA), kif ukoll diversi NGOs li iddikjaraw li “l-proġett imur kontra l-għanijiet tal-Politika Rurali peress li jhedded l-għixien tal-bdiewa.”

Huwa qed jitolbu lill-ERA biex tqis dawn il-punti kollha u biex tagħti lil dawn is-siġar il-protezzjoni li tant ħaqqhom, mhux biss għall-fini tas-siġar, iżda għall-fini tal-bdiewa li jaħdmu fiż-żona, u għar-residenti ta’ Ħad-Dingli, sabiex huma u l-ġenerazzjonijiet futuri jkomplu jgawdu dawn is-siġar għas-snin li ġejjin.