Ekonomija Kummerċ Lokali

“Patt soċjali ġdid sabiex kulħadd jgħix ħajja aħjar” – Bernard Grech

"Irrid li naħdmu flimkien ħalli nikbru flimkien"

“Irid ikollna patt soċjali ġdid biex il-livell soċjali ta’ kull individwu jgħola ‘l fuq”.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif il-Ġimgħa filgħodu ltaqa’ mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji.

Bernard Grech saħaq li n-negozji żgħar u medji huma parti vitali mill-mutur tal-ekonomija ta’ pajjiżna, fejn ħafna familji qed jinvestu l-ħin u l-flus tagħhom f’dawn in-negozji.

Il-Kap tal-PN qal li huwa minnu li bħalissa pajjiżna għaddej minn sitwazzjoni diffiċli minħabba l-COVID-19, iżda din mhix l-unika problema… hemm ukoll ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna li taffetwana ħażin. Għalhekk hemm bżonn li nkunu realistiċi u nagħmlu l-għalmu kollu tagħha sabiex kulħadd jibqa’ jemmen fl-ekonomija, għax in-normalità ma tiġix bil-kliem imma bil-fatti.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien partit favur in-negozji, għalhekk l-importanza li jkun hemm patt soċjali ġdid sabiex kull ċittadin Malti u Għawdxi jkun jista’ jgħix ħajja aħjar. Saħaq li l-prosperità m’għandhiex tkun ibbażata biss fuq il-flus fil-bwiet tan-nies, iżda għandu jkollna pajjiż b’ekonomija tajba u ruħ soċjali tajba wkoll.

Min-naħa tiegħu l-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela tkellem dwar l-importanza li huma jibqgħu f’kuntatt kontinwu mal-Oppożizzjoni għax l-Oppożizzjoni hija gvern alternattiv.

Paul Abela saħaq li minħabba l-pandemija li ninsabu għaddejjin minnha, is-sitwazzjoni f’pajjiżna mhix waħda feliċi hekk kif il-COVID laqtet lin-negozji bil-kbir. Huwa qal li issa t-triq ‘il quddiem hi li jingħataw iktar inċentivi sabiex ikunu salvagwardjati n-negozi żgħar u medji.

Abela qal li l-impressjoni li qed tingħata li minn Mejju li ġej s-sitwazzjoni se tirritorna għan-normal, hija illużjoni kbira.

Matul din iż-żjara lill-Malta Chamber of SMEs, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono, il-President tas-Solidarjetà Ħaddiema PN (SĦPN) Ivan Castillo u l-President tal-Forum tal-SMEs PN (FSMEPN) Julian Galea.