Internazzjonali

Stati Uniti: Ikomplu l-arresti tan-nies involuti fl-assedju tal-Capitol

L-awtoritajiet federali qed ikomplu bl-arresti tan-nies li kellhom sehem ‘fix-xeni ta’ anarkija’ waqt l-assedju ta’ dan ix-xahar fuq il-bini tal-Capitol, f’Washington, u li fih tilfu ħajjithom ħames persuni.

L-assedju seħħ wara li l-President Amerikan Donald Trump – li se jispiċċa dalwaqt mill-kariga u li għandu jkun suġġett għal tieni proċess ta’ impeachment storiku – kien ħeġġeġ lill-partitarji tiegħu biex ‘jimmarċjaw fuq il-Capitol’ bħala protesta. Dan ukoll  wara ġimgħat ta’ allegazzjonijiet (minn Trump) li ‘hu spiċċa vittma ta’ frodi’ waqt l-elezzjoni presidenzjali tat-3 ta’ Novembru.

Fl-aħħar jiem, l-arrestati kienu jinkludu anki uffiċjali tal-pulizija u membru ta’ skwadra għat-tifi tan-nirien.

Dan waqt li l-uffiċjali għall-infurzar tal-liġi qed ikomplu jinvestigaw jekk l-assalt fuq il-Capitol kienx xprunat u koordinat minn gruppi ta’ estremisti inkella jekk l-azzjoni kenitx sempliċiment waħda ‘spontanja’ – jiġifieri protesta tal-massa li spiċċat ‘inkontrollabbli’.

Fost l-arrestati, fl-aħħar sigħat, kien hemm ukoll ir-raġel li deher qed iġorr il-bandiera tal-Confederates (sinonima mal-Gwerra Ċivili  Amerikana) waqt li miexi mill-kmamar tal-Capitol fl-eqqel tal-irvell tas-6 ta’ Jannar.

Ir-raġel – Kevin Seefried, minn Delaware —  inżamm mill-pulizija wara li kien identifikat mill-analiżi tar-ritratti tiegħu ( bil-bandiera) li kienu ċirkulati fil-pajjiż u madwar id-dinja.