Lokali Saħħa

Steward jikkonfermaw li għaddejin taħdidiet minn wara dahar in-nies

Wara ġimgħa fil-muta, Steward Health Care sa fl-aħħar iddeċiedew li jqumu mir-raqda. U issa, irreaġixxew għall-istejjer li ħarġu l-Ħadd fil-gazzetta ‘il-mument’ u fuq Net News.

Fit-tweġiba tagħha, il-kumpanija kkonfermat li għaddejin it-taħdidiet mal-Gvern – kif ġie żvelat b’mod esklussiv jiem ilu.

Il-kumpanija, issa, qed tgħid illi dak li ġie rappurtat dwar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huma stejjer purament spekulattivi. “Kif inhu magħruf, Steward Health Care kienet involuta f’diskussjonijiet attivi mal-Gvern matul ix-xhur li għaddew u d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin”.

Steward qalet li għadha impenjata għat-tliet sptarijiet kollha taħt ir-responsabbiltà tagħha – l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa – għall-benefiċċju tal-pazjenti, l-istaff u l-komunitajiet li taqdi.