Futbol Sport

Wayne Rooney jinħatar kowċ ta’ Derby County

Wayne Rooney inħatar bħala kowċ tat-tim taċ-Championship Derby County, wara li kien qiegħed fil-kariga bħala kowċ temporanju minn Novembru li għadda wara li ħa post Philip Cocu. Hu issa ffirma kuntrat ta’ sentejn u nofs, wara li s-sid tal-klabb Mel Morris kien impressjonat bix-xogħol li l-eks plejer ta’ Manchester United kien qed jagħmel.

Rooney issa rtira uffiċjalment mill-futbol bħala plejer, fejn ta’ 35 sena, huwa sar l-iktar plejer fl-istorja li skorja kemm għal Manchester United kif ukoll għat-tim nazzjonali Ingliż.

Derby għaddej minn żmien diffiċli, hekk kif il-plejers għadhom qas biss tħalsu l-paga ta’ Diċembru. Mel Morris biegħ il-klabb lil Sheikh Khaled, bil-proċessi finali għadhom għaddejjin. Dan filwaqt li t-taħriġ kellhu jitwaqqaf hekk kif il-plejers kellhom isegwu kwarantina minħabba li nstabu xi każijiet ta’ coronavirus fl-iskwadra. Huma bħalissa jinsabu fit-22 post.

Taħt it-tmexxija ta’ Cocu, Derby rebħu biss partita waħda minn tlettax, filwaqt li meta Rooney sar kowċ temporanju, huma tilfu biss żewġ partiti minn disa’, u jistgħu joħorġu minn post ta’ relegazzjoni permezz ta’ rebħa kontra Rotherham nhar is-Sibt. Rooney ukoll tejjeb id-difiża, fejn qala’ biss żewġ gowls fl-aħħar seba’ partiti.