Irrid li naħarbu niġru ‘l quddiem. Fiduċjuż li l-miri kollha jintlaħqu, fosthom li f’Mejju nkunu business as usual. Dawn kienu l-aħħar minn sensiela ta’ dikjarazzjonijiet li għamel il-Prim Ministru Robert Abela, meta pajjiżna qed jiffaċċja rekord wara l-ieħor kawża tal-pandemija tal-Covid-19.
Abela kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet li sarulu minn ġurnalist tax-Xandir tal-Istat, f’għeluq l-ewwel sena tiegħu bħala Prim Ministru, fejn anke qal li s’issa għad m’għandux pariri mill-awtoritajiet tas-saħħa biex iżid ir-restrizzjonijiet.
Fl-istess waqt, iżda, baqa’ ma tax dettalji dwar l-għajnuna, li wiegħed minn fuq Facebook, li għandu jagħti lis-sidien tal-Bars u l-Każini, li s’issa għadhom magħluqin.
Il-Prim Ministru deher skomdu ferm iwieġeb dwar it-transfer vendikattiv li ngħata l-Konsulent fis-Saħħa Pubblika Kenneth Grech mill-Gvern. Dan hekk kif, Abela qal li t-transfer sar għax hekk kien hemm bżonn.
Sadanittant, f’sinjal ċar ta’ kontinwità mit-tmexxija ta’ Joseph Muscat, il-Prim Ministru ddikjara li se jkompli bl-iskema tal-bejgħ taċ-Ċittadinanza. U dwar l-influss ta’ barranin biex idawwar ir-rota tal-ekonomija, Abela qal li dan kien mudell li għamel il-ġid u li ma jridx ikissru.
Mistoqsi jekk hux se jippubblika r-returns tiegħu tat-taxxa u l-VAT ta’ qabel l-2017, il-Prim Ministru tenna li hu qatt ma kellu issues ma’ tat-Taxxa. Madankollu, baqa’ ma wiegħedx li se jkun qed jippubblikahom.
Dan minkejja li l-istess Abela għamel pressjoni fuq il-Kummissarju tat-Taxxa biex jinvestiga lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dwar perjodu ta’ qabel ma daħal fil-politika.
U wara li grazzi għat-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern Laburista, pajjiżna tilef 400 miljun ewro f’fondi Ewropej għal pipeline tal-gass, Robert Abela qal li kellu jerġa’ jibda l-proċess mill-ġdid biex jirlob il-fondi.
Sadanittant, matul il-programm, ma naqsux l-attakki politiċi mill-Prim Ministru kontra l-Partit Nazzjonalista minflok ma wieġeb għal dak li l-Maltin u l-Għawdxin huma mħassbin serjament dwaru.
Fost l-oħrajn, hu pprova jiġġustifika l-manuvrar li għamel fil-jiem li għaddew fil-Parlament. Dan billi qal li anke l-Partit Nazzjonalista uża din is-sistema biex żewġ Kapijiet jidħlu fil-Parlament, mingħajr ma ammetta li l-Partit Laburista wkoll daħħal fil-Parlament lill-predeċessur tiegħu, Joseph Muscat.
Fl-istess waqt, qal ukoll li l-Gvern immexxi minnu rnexxielu jeqred il-ġlied u d-droga mill-Ħabs ta’ Kordin.
//= $special ?>