Lokali

“Bit-tikketti s-soċjetà ma timxix ‘il quddiem” – Bernard Grech

Jekk se nibqgħu nagħtu t-tikketti lill-persuni, is-soċjetà tagħna ma tista’ qatt timxi ‘l quddiem. It-tikketti nħolqu għall-prodotti u mhux għan-nies iżda hemm min irid li l-Partit Laburista ta’ Robert Abela joħloq tikketti ġodda li bihom is-soċjetà għandha tiddefinixxi r-rekwiżiti sabiex mara tkun tista’ toffri ruħha għall-ħajja politika.

Dan hu kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li fuq Facebook ikkummenta dwar il-messaġġ kontroversjali li kiteb Robert Musumeci fl-aħħar ħin dwar in-nisa.

Bernard Grech qal li din hi offiża għall-mara stess li tibqa’ turi kemm għall-Partit Laburista l-kwalitajiet veri tal-persuna ma jfissru xejn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ngħaqad mal-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika biex jikkundanna kliem bħal dan u wiegħed li jneħħi kull xkiel li jista’ jżomm il-mara milli twettaq l-aspirazzjonijiet, il-ħolm u t-talenti kreattivi tagħha.

“Għal dan irrid naħdem bla waqfien. Inħeġġeġ lil kull min bħali jemmen fil-mara biex jingħaqad miegħi” kiteb Bernard Grech.