Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 175 każ ġdid – il-vittmi jiżiedu għal 238

Fl-aħħar 24 ġew irreġistrati 175 każ ġdid ta’ Covid-19 f’pajjiżna.

Dan hekk kif mill-bidu tas-sena ġew irreġistrati 2,673 każ ġdid tal-pandemija.

Dan kollu tħabbar fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa, sabiex b’hekk il-każi totali minn Marzu ‘l hawn żiedu għal 15,447.

Dan filwaqt li 67 persuna fiequ mill-virus bl-ammont totali ta’ persuni mfejqa jiżdied għal 12,460.

Ġie mħabbar ukoll li fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom żewġ persuni oħra kawża tal-Covid-19. B’hekk il-vittmi totali jammontaw għal 238, b’19-il fatalità fl-aħħar 16-il jum.

Dan kollu jfisser li l-persuni attivi bil-virus jammontaw għal 2,749.

Mill-193 każ imħabbar tul il-jum tal-Ġimgħa; 49 każ kienu qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittiv preċedentament, 15-il każ minn fuq il-post tax-xogħol, 12-il każ li kellhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi u 15-il każ ieħor minn attivitajiet soċjali.

Dan ifisser li 102 persuni ma jafux minn fejn jew mingħand min ġew infettati bil-virus.