Lokali

“Diskors skadut” – Kundanna għall-messaġġ ta’ Robert Musumeci

Fost il-ħafna kummenti u reazzjonijiet dwar post li għamel Robert Musumeci fuq Facebook, il-Kummissjoni Dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru kkundannat bla riżervi u ddeskriviet bħala #diskorsskadut dak li kiteb l-Avukat u Perit Robert Musumeci dwar in-nisa fil-politika.

Permezz ta’ post fuq Facebook il-Kummissjoni qalet li l-miżoġenija qed terġa’ tgħolli rasha.

“Raġel privileġġjat li ovvjament jassumi li huwa stess ‘simpatiku u mingħajr ħafna pretensjonijiet’ jiddeskrivi l-kwalitajiet li għandu jkollha mara sabiex skontu tkun valida fil-politika”.

Il-Kummissjoni kompliet tgħid li l-kwalitajiet essenzjali huma ferm iktar sostanzjali minn dawn il-frivolezzi li qed isemmi. Hawn ħafna nisa li huma kapaċissimi, intelliġenti , responsabbli, integri, u bid-doni kollha neċessarji, apparti ‘simpatiċi’.

Verament diżappuntanti tenniet tgħid il-Kummissjoni li ddeskriviet id- diskors ta’ Musumeci bħala wieħed oppressiv u li mhux denju jintqal u lanqas jiġi ttollerat.

“Aħna n-nisa ħaqqna apoloġija mingħandek, Sur Musumeċi”, qalet il-Kummissjoni. Din hi vjolenza wkoll – il-vjolenza tad-diskors patrijarkali u kolonjali li jinfiltra fl-atitudni tan-nies lejn il-mara u dak li hi kapaċi tagħmel sostniet il-Kummissjoni.

Intant anke ċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri ukoll poġġa post fuq Facebook f’reazzjoni għal dak li qal Musumeci.