Lokali

“Falliment mid-Dipartiment tal-Kura Primarja” – MUMN

Il-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel MUMN kienet wissiet dwar il-problemi loġistiċi marbuta mal-programm ta’ tilqim tal-anzjani, iżda l-union u l-President tagħha ġew deskritti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja bħala “distruttivi” u li “m’għandhomx jindaħlu fid-dettalji” tal-organizzazzjoni.

Fi stqarrija, l-MUMN qalet li x-xeni li nqalgħu fiċ-ċentri tas-saħħa ilbieraħ jagħtu raġun lill-union u kienu turija ċara li d-Dipartiment tal-Kura Primarja falla fl-organizzazzjoni tal-iktar affarijiet bażiċi ta’ programm ta’ tilqim.

“Infermieri u anzjani tpoġġew f’riskju minħabba nuqqasijiet ta’ management mid-Dipartiment li beda jħares biss lejn numri mingħajr ma’ ta kas tar-realtajiet loġistiċi ta’ kull ċentru tas-saħħa”, qalet il-union, “b’anzjani jitħallew barra fix-xita u mingħajr mezz kif tinżamm id-distanza soċjali.”

L-MUMN avżat li se tiddikjara tilwima industrijali jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux implimentati minnufih.

  • Iktar gwardjani tas-sigurta’ f’kull ċentru tas-saħħa
  • Il-listi li jintbagħtu liċ-ċentri tas-saħħa jkunu verifikati mid-Dipartiment li l-anzjani għadhom ħajjin u li lesti jieħdu l-vaċċin u jiġu fil-ħin tal-appuntament.
  • Il-ħin bejn appuntament u ieħor għandu jkun 5 pazjenti kull nofs siegħa u mhux kull kwarta. Dan mhux biżżejjed biex pazjent jitlaqqam, minbarra wkoll il-problemi ta’ aċċessibilita’ f’ċertu ċentru tas-saħħa.

L-istqarrija ttemm li jekk id-Dipartiment se jinjora dawn it-talbiet, l-MUMN se tkun qed tuża l-mezzi li ttiha l-liġa sabiex tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurta’ tal-membri tagħha wara li l-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Kura Primarja lanqas biss ried jikkonsidra konsultazzjoni qabel ta bidu għall-programm ta’ tilqim.