Futbol Sport

Gżira jagħtu majnata oħra lil Floriana fix-xita

(Ritratt: Joe Borg/MFA)

George Cassar

GŻIRA UNITED – 4

FLORIANA – 1

Gżira U.: J. Haber, N. Portelli, Sacha Borg, Steve Borg (K. Pulo 90’), G. Mentz, N. Muscat,  J. Mendoza, M. Davis, R. Correa, Jefferson (C. Borg 74’), Maxuell (B. Atajic 63’)

Floriana: I. Akpan, A. Cini, R. Camenzuli, M. Beye. N. Leone, D. Venancio. M. Garcia (D. Agius 80’), U. Arias, B. Paiber (J. Busuttil 66’), K. Keqi (S. Arab 66’), F. Cheveresan

Skurjaw: Maxuell 1’, 17’, M. Beye o.g. 58’ (G), S. Arab 68’ (F), N. Muscat 89’ (G)

Referì: T. Farrugia Cann

Il-plejer tal-logħba: Maxuell (G)

Gżira kienu l-kaġun ta’ riżultat negattiv ieħor għal Floriana f’partita li ntlagħbet f’xita kontinwa. Dan kien ir-raba’ riżultat pożittiv għal Gżira li jtellagħhom fit-tielet post daqs Sliema Wanderers, filwaqt li għal Floriana din kienet is-sitt partita bla rebħa biex b’hekk baqgħu bla rebħa anki wara l-ħatra tal-kowċ John Buttigieg.

Gżira skurjaw wara 36 sekonda meta l-aħjar plejer tal-logħba Riccardo Correa ġera max-xellug u ta kross fil-baxx li sab lil Maxuell Maia li kkontrolla u tefa’ fix-xibka.

Ftit wara l-kwarta logħob, Martin Davis ġera mal-lemin, tefa’ kross fil-kaxxa u Maxuell Maia antiċipa lil Moustapha Beye u l-ħarġa ta’ Ini Akoan u tefa’ fx-xibka għat-tielet gowl fit-tieni logħba tal-Brażiljan bil-flokk ta’ Ġżira. L-eks Justin Haber għamel interventi f’waqthom fil-lasta ta’ Gżira meta salva żewġ tentattivi perikolużi kull wieħed ta’ Diego Venancio u Flavio Cheveresan.

Gżira fetħu vantaġġ triplu ftit qabel is-siegħa logħob meta wara kross ta’ Riccardo Correa u daqqa ta’ ras ta’ Jefferson, id-difensur Furjaniż Moustapha Beye ikkontrolla l-ballun u prova jbiegħed il-periklu iżda tefgħu fix-xibka tiegħu.

Floriana naqqsu d-differenza fis-66 minuta meta Siraj Arab, li kien ilu biss ftit sekondi fil-grawnd, daħal għall-pass ta’ Ulises Arias u skorja minn nofs il-kaxxa. Minuta qabel skorrew id-disgħin minuta, Gżira żiedu gowl ieħor meta Ini Akpan salva iżda ma żammx ix-xutt ta’ Riccardo Correa u Nikolai Muscat kien pront kompla għal ġewwa għar-raba’ gowl Gżirjan.