Lokali

Il-Gvern Laburista qed jirrifjuta li jittratta lil Pulizija b’dinjità – PN

Ritratt: Martin Agius

Il-Gvern qiegħed jirrifjuta li jittratta lil Pulizija b’dinjita’ u rispett meta jinsisti illi membri tal-Korp li jispiċċaw milquta mill-pandemija qed ikollhom joħorġu bis-sick leave minflok bi quarantine leave.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-kriminalità Beppe Fenech Adami, il-Partit Nazzjonalista jfakkar illi l-forzi dixxiplinati Maltin, inkluż il-Pulizja kellhom u għad għandhom rwol ta’ frontliners prinċipali fil-ġlieda tal-pandemija.

Dan wassal ukoll sabiex numru ta Pulizija, ukoll intlaqtu mill-pandemija waqt li kienu fil qadi ta’ dmirijiethom. Minkejja dan il-Gvern Laburista, qed jitratta l-Pulizija bħala frontliners tat-tieni grad b’dan illi qed jitilfu mis-sick leave tagħhom flok jingħataw quarantine leave meta jinqala l-każ.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-Pulizija li qed jiġu diskriminati mill-Gvern u jħeġġeġ lill-Prim Ministru sabiex għal darba jisma’ mir-rappreżentanti u l-unions tal-Pulizija fit-talbiet ġusti tagħhom.