Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jissaħħaħ u jressaq nies ġodda lejh – Bernard Grech

Il-PN irid jibqa’ jissaħħaħ u bħala Kap qed nagħmel dan u se nkompli jressaq aktar nies ġodda lejn il-Partit. Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien intervistat minn Reno Bugeja waqt il-programm Online bl-isem Reno Bugeja Jistaqsi. 

Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jissaħħaħ u se jkompli jikber.

Il-Kap tal-PN qal li tiġi meta tiġi l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista se jkun preparat għall-elezzjoni ġenerali, biex jekk il-poplu jagħżlu li jkun Gvern alternattiv. Bernard Grech saħaq li għalkemm baqa’ ħafna xi jsir hemm indikazzjonijiet pożittivi mis-surveys u għalhekk inkomplu naħdmu biex il-Partit Nazzjonalista jkun preparat.

Dwar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, Bernard Grech qal li r-reputazzjoni intilfet kawża tal-Gvern preżenti. Semma f’pajjiżna hawn min qed idaħħal in-nies mit-twieqi fil-Parlament. u tenna li d-demokrazija trid tiġi rispettata. Dak li ġara fil-Parlament fl-aħħar jiem qed iġiegħlna nifhmu li Gavin Gulia ġie elett imma l-Prim Ministru għażel li jqarraq bil-poplu, tenna Bernard Grech.

Mistoqsi minn Reno Bugeja dwar il-kritika li tagħmel l-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq li hija veritá li jkun hemm kritika imma l-Partit Nazzjonalista għandu proposti li ħarġu u għad iridu joħorġu.

Bernard Grech qal li d-defiċit u l-infieq żejjed tal-Gvern hu kkawżat minn korruzzjoni, u nfieq żejjed tal-Gvern. Huwa sostna li n-nefqa żejda setgħet marret bħala investiment fl-edukazzjoni u setturi oħrajn. Tenna li l-ekonomija maltija ma bdietx sejra lura qabel il-Pandemija imma kienet diġa qed turi qabel li kienet sejra lura.  Huwa semma li l-pandemija ħalliet effett u tenna li jemmen li għal wara l-pandemija hemm bżonn li jkun hemm ammont ta’ miżuri li jgħinu l-irkupru ekonomiku.

Mistoqsi dwar il-proposti ta’ riformi fil-liġi tad-divorzju Bernard Grech semma li l-proċessi ta’ separazzjoni u divorzju preżenti jwasslu għal tbatijiet. Fosthom semma l-erba’ snin meħtieġa li koppja tkun separata biex tkun tista’ tieħu d-divorzju. Huwa qal li hemm qbil li dan il-perjodu jiqsar.

Bernard Grech appella lill-Prim ministru biex ma jagħmilx politika tal-gimmick u jagħmel politika li verament tħalli effett fin-nies.  Dwar id-divorzju qal li hemm bżonn tibdiliet li jwasslu għal titjieb fil-ħajjiet tan-nies. Ir-realtajiet huma ferm ikbar. Huwa tenna li l-PN irid riforma u l-Gvern irid biss tibdiliet żgħar. 

Semma fost l-oħrajn li hemm bżonn li jkun hemm riforma fl-esperti tal-qorti tal-familja, li jridu jkunu full time u jagħtu aktar importanza lix-xogħol tal-qorti. Semma wkoll li s-sistema tal-manteniment qed twassal ukoll għal diffikultajiet kbar fost dawk affettwati. Semma wkoll il-bżonn li t-tfal ikollhom id-drittijiet tagħhom imħarrsin. 

Bernard Grech semma wkoll kif nhar it-Tnejn se jkun il-Qorti ma’ Adrian Delia fil-ġlieda li kien beda biex l-isptarijiet jirritornaw għand il-poplu Malti. Bernard Grech semma kif dan il-kuntratt kien destinat li ma jirnexxiex, kif qed naraw li qed jiġri bħalissa bl-isptar ta’ Għawdex. 

Dwar il-Pandemija saħaq li l-Gvern għandu jkun realistiku u ma jidħaqx bin-nies. Saħaq li minkejja l-ewforija tal-vaċċin sat-Tnejn se jkunu tqassmu biss 13,000 vaċċin, għalhekk appella għal strateġija aħjar u li n-nies ngħidulhom il-verita’, għaliex mhux minnu li n-normalita se tirritorna f’Mejju kif qal il-Prim Ministru.