Lokali

Imfakkar id-39 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

F’għeluq id-39 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Repubblika organizzat programm speċjali fuq il-midja soċjali ta’ Facebook, dirett minn Pjazza l-Assedju l-Kbir, fil-Belt Valletta, sabiex tfakkar il-memorja tal-omm, mara, oħt, bint u kollega – 3 snin u 3 xhur minn meta ħajjitha nħatfet f’karozza bomba biswit darha, fil-Bidnija.

Matul il-programm kienet tinħass bl-aktar mod ċar id-determinazzjoni, l-għajta u r-rieda favur il-ġustizzja, bl-għaqda tisħaq li ser tibqa’ tkun it-tarka tas-sewwa. Tul id-diskorsi ingħad li huwa fid-dmir taċ-ċittadini li kull min jaqdi lill-pajjiż, jagħmel dmiru b’kuxjenza u mhux maħkum mill-għanqbuta kriminali li xerrdet demm ġurnalista.

Il-kelliema preżenti; Benna Chase, Alessandra Dee Crespo u Clemence Dujardin lkoll faħħru l-ħidma ta’ Daphne Caruana Galizia, il-ħidma kontra l-korruzzjoni u favur is-sewwa, ħidma bla ebda biża’ u mimlija kuraġġ – ħidma li prezzha ħalsitha b’ħajjitha.

Huma saħqu li l-leħen għall-ġustizzja ma jridx biss jidwi waqt id-dimostrazzjonijiet imma ankè fil-ħajja ta’ kuljum u għaldaqstant għandna dmir li ngħixu bl-eżempju.

Dan filwaqt li ġiet mfakkra l-memorja tal-vittmi tal-Covid-19 filwaqt li kienet kritikata wkoll it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela u l-aġir u d-diskors irresponsabbli tiegħu matul din il-pandemija li pajjiżna, bħal bqija tad-dinja, qed iħabbat wiċċu magħha. Kif ukoll il-fatt li reġa’ sejjaħ lura fil-Kabinett tiegħu lil Justyne Caruana u l-fatt li ma lissen ebda kelma dwar il-fatt li l-Qorti ma emnitx il-verżjoni tal-Ministru Ian Borg.

B’mod unanimu l-mistiedna nsistew li 39 xahar mill-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, l-poplu Malti u Għawdxi flimkien mal-pajjiżi li tul dawn is-snin irrapportaw b’interess xogħol il-ġurnalista…għadhom qed jistennew li ssir ġustizzja.