Lokali

“Inżommu l-arti ħajja” – id-9 edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival

“Huwa importanti li nżommu l-appuntament tagħna u nżommu dan il-festival ħaj.”

Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel Massimo Zammit waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret bi tħejjija għad-9 edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival.  Dan il-festival ser ikun qed jittella’ bejn il-15 u l-24 ta’ Jannar bil-għan li l-arti f’pajjiżna, minkejja li bosta avvenimenti ġew ikkanċellati minhabba l-pandemija, tibqa’ waħda ħajja u ferventi.

Massimo Zammit saħaq li dan l-ispettaklu mhux biss ser ikun disponibbli għan-nies fit-teatru iżda anke permezz ta’ 7 kunċerti fuq l-internet… fuq il-paġni rispettivi tal-Festival u tat-Teatru sabiex kollox ikun konformi mal-miżuri ta’ mitigazzjoni skont kif stabbiliti mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Hu sostna li sforz il-pandemija, meta proprju t-teatru kien magħluq, bdew ifittxu mezzi oħra ta’ kif jistgħu iwasslu l-arti għand il-pubbliku – anke b’mezz virtwali.

Id-Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel Kenneth Zammit Tabona spjega li bla ebda dubju l-apprezzament tal-artist jibqa’ l-kuntatt fiżiku u l-applaws man-nies, għaldaqstant, kellu jinstab mezz differenti biex tinżamm l-arti ħajja.

Huwa sostna li għal din id-9 edizzjoni wieħed mhux ser ikun qed jistenna kunċerti kbar, iżda aktar fiċ-ċokon …għalkemm xorta emozzjonanti, b’mużika barokka varjata.