Futbol Sport

It-tielet rebħa konsekuttiva għal San Ġwann

Chris Cassar

QRENDI ………………………..1
SAN ĠWANN …………………3

Qrendi: C. Abdilla, D. Zarb, G. Muscat, A. Nilsson, D. Sammut, A. Agius, D. Bueno, S. Perdomo, M. Gatt, C. Camilleri, J.C. Cachia.

San Ġwann: C. Formosa, Q. Adediran, L. Mallia, C. Gauci, B. Kuyper, O. Spiteri, Z. Bowman, C. Gauci, U. Calistus, G. Pace, A. Falzon.

Referee: Fyodor Zammit

San Gwann kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva meta bl-iktar mod konvinċenti għelbu lil Qrendi 3-1 biex wettqu wkoll daouble fuq l-avversarji tagħhom wara r-rebħa ta’ 3-2 fl-ewwel rawnd. San gwann iddominaw u sal-50 minuta kienu għalqu l-logħġba bi tliet gowls.

Qrendi ppruvaw jidħlu fil-logħba iżda dehru ferm nieqsa mill-ideat u ftit li xejn kienu perikolużi fl-attakk. San Gwann kellhom bidu tajjeb u wara ftit minuti daqqa ta’ ras tad-debuttant Adediran jgħaddi ftit barra. Il-gowl wasal fit-tmien minuta, kross mix-xellug ta’ Pace u daqqa ta’ ras stupenda mill-viċin ta’ Kuyper bil-ballun jispiċċa fis-saqaf tax-xibka.

Ir-reazzjoni ta’ Qrendi kienet waħda pjuttost fjakka b’xi tentattivi mid-distanza ta’ Nilsson li kienu salvati mingħajr wisq problemi mill-goalkeeper Formosa. Fil-25 minuta San gwann sfortunati meta kross shot ta’ Pace qarraq bil-goalkeeper bil-ballun jaħbat mal-lasta. Fl-34 minuta San Gwann irduppjaw meta Quadri Adediran irċieva ballun fit-tul, dar ma’ difensur u għeleb lil Abdilla b’xutt b’saħħtu għar-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima Adediran minn quddiem il-lasta għamel l-impossibli u xeħet barra. Fil-51 minuta xutt bomba ta’ Luca Mallia u save brillanti ta’ Abdilla li dawwar għal korner u mill-istess korner Adediran bir-ras skorja t-tieni gowl tiegħu. Fil-55 minuta Qrendi jnaqqsu l-iskor b’azzjoni tajba ta’ Nilsson fuq ix-xellug li fetaħ lejn Perdomo li kkontrolla tajjeb u għeleb lil Formosa minn pożizzjoni angolata. Minn hawn ‘l quddiem il-logħba saret bilanċjata iżda bi ftit azzjonijiet ta’ skor fejn San Gwann amministraw il-vantaġġ sat-tmiem.

FGURA U……………………..4
ST.ANDREW’S ………………3

Fgura U: B. Bartolo, J. Stenson, J. Barbara, S. Abela, J.P. Attard, S. Nanapere, J. Vella, J. Cassar, D. Caruana, N. Ojuola, D. Quintero.

St.Andrew’s: N. Grima, I. Azzopardi, L. Grech, J. Farrugia, R. Micallef, M. Bartolo, S. Cassar Torregiani, A. Borg Olivier, J. Sixsmith, W. Camilleri, G. Stefansson.

Referee: Ezekiel Barbara

Fgura kisbu rebħa prezzjuża f’logħba spettakolari bi tmiem drammatiku b’żewġ gowls skorjati fil-ħin miżjud. Fgura United fetħu tajjeb u fl-ewwel azzjoni wara ftit minuti, Quintero li kien qed jirritorna wara diversi logħbiet nieqes, impenja lil Grima b’xutt minn tarf il-kaxxa. Fit-22 minuta Fgura fetħu l-iskor meta minn kross mil-lemin ta’ Barbara, kien Dylan Caruana li skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin. Fit-30 minuta azzjoni oħra ta’ Fgura b’Nanapere jqassam lejn Quintero li ra x-xutt tiegħu salvat minn Grima.
Fit-tieni nofs tal-ewwel taqsima kienu St. Andrews li ħadu l-kontroll tal-logħba u l-inizjattiva u dan minkejja li ma kienux ta’ periklu għall-avversarji. Iżda fl-44 minuta St. Andrews kisbu l-gowl tad-draw, grazzi għal xutt mill-isbaħ mid-distanza ta’ William Camilleri li għeleb għal kollox lil Bartolo.

Appena bdiet it-tieni taqsima Dylan Caruana daħal tajjeb fil-kaxxa fejn twaqqa’ mill-goalkeeper u mill-11-il metru kien Quintero li skorja b’xutt ċentrali. Mas-siegħa logħob opportunita’ għal St.Andrew’s bix-xutt ta’ Sixsmith salvat minn fuq il-linja minn Vella. Il-gowl wasal ħames minuti wara meta xutt ta’ Borg Olivier kien salvat minn Bartolo u mir-rebound kien Cassar Torregiani li skorja bir-ras.

Issa kienu s-Saints li ħadu l-logħba f’idejhom u kien biss il-goalkeeper Bartolo li b’serje ta’ saves żammhom fil-logħba. Għaxar minuti mit-tmiem kontra x-xejra tal-logħob Fgura marru minn fuq meta Quintero qassam għan-nofs fejn William Camilleri xeħet fix-xibka tiegħu stess f’attentat li jikklerja. Fil-91 minuta St. Andrew’s kisbu l-gowl tad-draw meta Nicholas Bradshaw skorja direttament minn freekick. Iżda fit-93 minuta azzjoni ta’ fgura bis-sostitut Sergio Hili jiskorja l-gowl rebbieħ, u wara l-istess plejer intwera karta ħamra diretta wara li neħħa l-flokk u jidher li għadda wkoll xi rimarki.

BOV CHALLENGE LEAGUE
Illum
: Qrendi v San Ġwann 1-3, Fgura U. v St. Andrews 4-3
Għada: Centenary Stadium: St. George’s v Swieqi U. 11.00am, Mqabba v Żebbuġ R. 3.00pm, Vittoriosa S. v Marsa 7.00pm Victor Tedesco Stadium: Pietà H. v Pembroke A. 2.00pm, Naxxar L. v Qormi 6.00pm