Internazzjonali

Preparamenti għall-inawgurazzoni ta’ Joe Biden f’Washington

Washington preparata għall-inawgurazzjoni

Erbat ijiem ‘il bogħod mill-inawgurazzjoni ta’ Joe Biden bħala l-President il-ġdid tal-Istati Uniti, is-sigurtà tkompli tiżdied fil-Capitol ta’ Washington.

Dan wara li l-ġimgħa l-oħra, ammont sostanzjali ta’ dimostranti nvadew il-Kungress Nazzjonali fil-qalba tal-kapitali Amerikana, bl-għan li jwaqqfu lil Biden milli jiġi kkonfermat bħala l-President il-ġdid.

Il-Gwardja Nazzjonali avżat li bħalissa hemm madwar 21,000 suldat stazzjonat madwar il-Kungress, bl-għan li jissalvagwardaw l-inawgurazzjoni ta’ Biden. Dan filwaqt li n-numru ta suldati mistenni li jiżdied b’7000 oħra fil-jiem li ġejjin.

L-FBI rraportat li bħalissa madwar l-Istati Uniti qiegħdin jiġu ppjanati diversi protesti f’kull stat Amerikan, bil-pulizija Amerikana tavża li d-dimostranti jistgħu jkunu saħansitra armati.

Intant, il-lukandi li jinsabu f’Washington ukoll qiegħdin jiġu mħeġġa biex jagħlqu matul din l-inawgurazzjoni bl-għan li jxekklu lid-dimostranti milli jidħlu f’Washington.