Lokali

Recordings ikomplu jippuntaw lejn Keith Schembri

Imbeżża’ dwar x’jista jsir minnu taħt idejn Keith Schembri.

Allegatament hekk lissen il-middleman fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma ma żagħżugħ Olandiż – diskors li ġie rrekordjat bejn l-aħħar tal-2018 u l-bidu tal-2019, l-istess perjodu fejn Theuma potenzjalment kien konxju li kien ser jinkixef mal-Pulizija minn Vincent Muscat ‘il-Koħħu’.

Dan kollu ġie żvelat mill-ġurnal MaltaToday fejn allegatament priġunier Olandiż, li l-identità tiegħu s’issa għadha mhux żvelata, għandu fil-pussess tiegħu recordings ta’ Theuma waqt li kien qed jitkellem dwar il-biża’ li kellu minn xi tpattija ta’ Schembri, l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Iż-żagħżugħ barrani, li illum għandu 21 sena kien ħarab lejn Malta lura fl-2016 b’ammont sostanzjali ta’ flus, waqt li kien qed jiġi imfittex mill-Awtoritajiet Olandiżi b’akkużi ta’ frodi. Rapporti jindikaw li tul ix-xhur twal li għex f’pajjiżna, il-barrani għamel ħbieb ma’ Melvin Theuma, waqt li ż-żagħżugħ kien iberbaq flusu Portomaso u l-middle-man imexxi stazzjon tat-taxis bojod fiz-zona.

Maltatoday huma informati li aktar kmieni din il-ġimgħa, l-avukati tan-negozjant Yorgen Fenech, akkużat bil-kompliċità fl-eżekuzjoni tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, siefru lejn Amsterdam sabiex jisimgħu dawn ir-recordings. Madanakollu mistoqsija mill-istess ġurnal, ir-rappreżentanti ta’ Fenech ma kkonfermawx, u lanqas ċaħdu l-eżistenza ta’ dan kollu bil-għan li jirrispettaw il-proċeduri tal-Qorti.