Coronavirus Internazzjonali

Tħassib fl-Istati Uniti u aktar restrizzjonijiet fir-Renju Unit

Iċ-Ċentru għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, is-CDC qalli l-varjant li nstab l-ewwel darba fir-Renju Unit jista’ jsir l-aktar wieħed dominanti fl-Istati Uniti sa Marzu li ġej.

Skont dan iċ-ċentru, il-varjant Ingliż, li huwa wieħed li jittieħed faċilment, jista’ jinxtered malajr ħafna fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-biża hi li jekk iseħħ dan, is-sistemi tas-saħħa li diġà jinsabu taħt pressjoni kbira, jistgħu jikkrollaw.

Din it-twissija tas-CDC tasal wara li l-Ġimgħa, il-President elett tal-Istati Uniti Joe Biden żvela l-pjanijiet abmizjużi tiegħu li fl-ewwel mitt jum tal-amministrazzjoni l-ġdida jlaqqam mal-mitt miljun Amerikan.

Biden jinsab determinat li taħt it-tmexxija tiegħu, jeskala t-tqassim tal-vaċċin kif ukoll it-tilqim.

Intant, mill-4.00am ta’ nhar it-Tnejn li ġej, ir-Renju Unit se jżid ir-restrizzjonijiet għal kull min se jkun qed jasal fil-gżejjer Brittanniċi minn pajjiżi oħra. Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li kull min se jkun dieħel l-Ingilterra jrid jipprovdi ċertifikat li juri li huwa negattiv għall-Covid, meħud mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tiegħu, u se jkollu jimla wkoll dokumenti oħra. Mal-wasla mbagħad wieħed irid jagħmel għaxart ijiem kwarantina mandatorja.

Dawn ir-restrizzjonijiet ġodda, qal Johnson, qed isiru bil-għan li jissalvagwardjaw il-progress mistenni hekk kif issa beda l-proċess tat-tilqim.