Lokali

Żewġ sewwieqa jeħilsuha ħafif f’inċident ikrah

Ħadd ma weġġa’ f’inċident tat-traffiku li potenzjalment seta’ kellu konsegwenzi koroh.

Dan hekk kif ftit wara d-9 tas-Sibt filgħodu seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Nissan Juke misjuqa minn żagħżugħ ta’ 26 sena minn San Pawl il-Baħar, u karozza tat-tip Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 34 sena minn Ħal Qormi fi Triq Nutar Zarb f’Ħ’Attard.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li mal-impatt, iż-żewġ karozzi spiċċaw maqluba, bil-vettura Toyota Vitz tispiċċa ġewwa fond fejn qed isiru xi xogħolijiet ma’ ġenb it-triq.

Fil-post ġew imsejħa minnufih uffiċjali tal-Pulizija u sussegwentament ir-raġel ta’ 34 sena ttieħed fl-eqreb ċentru tas-saħħa għal aktar kura.

Fortunatament ħadd ma ndarab gravi.