Lokali

Abela jammetti li seta’ ħa deċiżjonijiet differenti

“Deċiżjonijiet li setgħu ttieħdu differenti? Mela m’hemmx!”

Dikjarazzjoni ċara mill-Prim Ministru Robert Abela fejn ammetta li seta’ ħa deċiżjonijiet differenti fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19.

Meta l-Ħadd filgħodu kien qed jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Nazzjonalist Laburista fil-Ħamrun, Robert Abela baqa’ jinsisti li f’Mejju li ġej pajjiżna se jirritorna għan-normalità, minkejja li d-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne għandu opinjoni differenti.

Robert Abela qal li din hi sfida li ma jiflaħx għaliha tant li qed jibqa’ jgħid li flok imexxi lil pajjiżna, jixtieq igawdi l-‘honeymoon’ li qatt ma wasal.

“Din l-isfida hi ikbar minni,” qal Abela. “Kelna minn kollox barra honeymoon.”

U jidher li din il-konfużjoni qed tkompli tidher fi kliem Abela meta qal li l-qgħad f’pajjiżna naqas minkejja li statistika tal-Eurostat turi mod ieħor… fejn is-sena li għaddiet il-qgħad żdied bi 3,000.

“Il-qgħad reġa’ beda nieżel tant li qed naraw inqas qgħad minn kemm kelna qabel Marzu,” qal Abela.

U dwar it-toroq, il-Prim Ministru faħħar ix-xogħol siewi li għamel il-Ministru tat-trasport, Ian Borg… minkejja li s-Sibt stess, kawża ta’ ħalba xita li  għamlet, fil-proġett il-ġdid tal-Marsa kien hemm ammont kbir ta’ ilma li nġema’ fit-triq konsegwenza li l-karozzi spiċċaw nofshom mgħerqa.

“Illum ir-riżultat qed narawh, proset Ian!” qal Abela.

Iżda minkejja pajjiżna jinsab għaddej minn sitwazzjoni xejn feliċi, il-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ jgħix f’ħolma.

“Aħna dejjem konna onesti,” qal Abela. “Magħna taf fejn qiegħed”