Internazzjonali

Covid-19: Impenn biex l-adulti kollha fir-Renju Unit jingħataw it-tilqima sa Settembru

Il-Gvern tar-Renju Unit qed jirranka l-programmi ta’ emerġenza għal kontra l-Covid-19, bis-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, itenni li l-amministrazzjoni qed taħseb biex ‘il-popolazzjoni sħiħa tal-adulti’ fil-pajjiż tingħata t-tilqima sa Sattembru.

L-impenn ambizzjuż, intant. qed jaħseb biex l-ewwel gruppi ‘ta’ priorità’ – jew l-aktar persuni vulnerabbli – jingħataw it-tilqima ‘anti-Covid’ sal-15 ta’ Frar.

F’din il-fażi partikulari mistenni li jitlaqqmu sa 15-il miljun persuna fir-Renju Uni,t bil-Kap Eżekuttiv tas-Servizzi tas-Saħħa (NHS), Simon Stevens, jikkonferma li programm pilota tal-immunizzazzjoni ‘fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum’ għandu jibda fi żmien għaxart ijiem.

Simon Stevens spjega li l-NHS fl-Ingilterra, fil-preżent, qed tlaqqam lin-nies ‘b’rata ta’ 140 tilqima il-minuta’, u meta l-pajjiż qed ikompli jsegwi s-sitwazzjoni fost l-iżvilupp tal-varjanti ġodda tal-virus.

Sadanittant, fl-Ingilterra, għandhom jiftħu għaxar ċentri oħra fejn in-nies jistgħu jingħataw it-tilqim ‘fuq livell ta’ massa’.

Min-naħa tiegħu, Dominic Raab għamilha ċara li t-tneħħija tal-lockdown riġidu fl-Ingilterra mhix se tkun ħaġa ta’ ‘millum għall-għada’. Dan meta l-ewwel fażi ta’ kwalunkwe tneħħija tal-lockdown għandha tirritorna mill-ġdid lejn is-sistema li tibbaża fuq il-livelli ( tiers) tas-sigurtà, skont iċ-ċirkustanzi.

Dominic Raab enfasizza li se tiżdied is-sorveljanza tal-persuni li jridu bilfors jgħixu taħt kwarantina mal-wasla tagħhom (minn barra) fir-Renju Unit.

Sadanittant, l-Ewropa kompliet iżżid il-miżuri għall-kontroll tal-coronavirus u l-varjanti tiegħu, meta l-kriżi tas-saħħa għadha f’livell għoli madwar il-kontinent.

Dan meta Franza qed timponi curfew ġdid għall-poplu li hu effettiv bejn is-sitta ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu – u meta l-curfew se jibqa’ implimentat għal talanqas ħmistax-il jum.

Il-Gvern tal-Awstrija ħabbar li qed jestendi l-lockdown attwali, fuq bażi nazzjonali, sas-7 ta’ Frar li ġej.

Il-lockdown jesiġi biex jiftħu biss il-ħwienet essenzjali, bil-konferma tal-estensjoni tingħata sigħat wara li eluf ta’ nies immarċjaw fi Vienna biex jipprotestaw dwar ir-restrizzjonijiet dovuti għall-kriżi. Il-Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz qal li filwaqt li hu konxju li r-restrizzjonijiet qegħdin idejjqu lin-nies, l-azzjoni hi neċessarja minħabba l-varjanati ġodda tal-coronavirus.

Fl-Italja,’il fuq minn miljun persuna ngħataw it-tilqima għal kontra l-Covid-19, b’dan il-pajjiż ikun fost l-aktar Stati-membri tal-Unjoni Ewropea li rrankaw il-programmi tat-tilqim f’ċirkustanzi delikati. Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte irringrazzja lill-membri tas-servizzi tas-saħħa lokali għall-impenji tagħhom waqt li qal li ċ-ċifra tal-persuni mlaqqmin hi waħda ‘inkoraġġanti’.