Lokali

“Il-Gvern għandu jagħmel għadd ta’ restrizzjoni fi żmien il-Karnival” – UPE

"Jekk ma tittiħidx azzjoni, pajjiżna se jara żieda fil-każijiet pożittivi"

“Hemm evidenza ċara ta’ numru kbir ta’ persuni li qed jippjanaw li jitilgħu Għawdex għal żmien il-Karnival tant li l-farmhouses huma diġa’ kollha bbukjati. U dan se jwassal għal żieda fil-każijiet pożittivi jekk il-Gvern ma japplikax għadd ta’ restrizzjonijiet.”

Kien dan li ħareġ minn stqarrija maħruġa mill-Kap Eżekuttiv tal-UPE Voice of the Workers, Graham Sansone f’isem l-edukaturi dwar it-tħassib li tmiem il-ġimgħa tat-12 ta’ Frar qed iġib miegħu fid-dawl tal-attivitajiet relatati mal-Karnivall.

L-istqarrija tkompli li jekk il-Gvern ma jieħux azzjoni serja u immedjata ta’ restrizzjonijiet matul dawk il-jiem, pajjiżna se jkun qed jara żieda fil-każijiet pożittivi tal-COVID-19.

L-istess tħassib qed jidher ukoll għal żmien il-vaganzi tal-Għid li jiġu ftit taż-żmien wara l-Karnival hekk kif minkejja li l-attivitajiet qed jitħassru, in-nies xorta waħda qed jippjanaw li jiltaqgħu flimkien.