Internazzjonali

Indoneżja: Ix-xita ttellef it-tfittxija għan-nies wara t-terremot

L-uffiċjali mal-iskwadri għall-emerġenzi qalu li l-inżul tax-xita qalila, fl-aħħar sigħat, kienet qed ittellef it-tfittxija għall-persuni li setgħu għexu fost it-terremot kbir li, nhar il-Ġimgħa, laqat il-Gżira Indoneżjana ta’ Sulawesi.

Il-vittmi tat-terremot issa qabżu l-75 u dawn kienu jinkludu ħames membri tal-istess familja. Intant, eluf ta’ nies tilfu djarhom b’kaġun tat-theżżiża u fejn huma kostretti li jgħixu qalb ix-xelters temporanji. Dan fost il-biża’ li tfeġġ u tinfirex epidemija tal-Covid-19 minħabba l-iffullar tan-nies u l-elementi ‘naturali’ li jiġġeneraw l-epidemiji tal-mard f’dawn iċ-ċirkustanzi.

L-epiċentru tat-terremot – li mmarka 6.2 fuq l-Iskala Richter – kien indikat xi sitt kilometru lejn il-grigal tal-belt ta’ Majene.

Intant, filwaqt li qed jintużaw ħafna inġenji u ‘makkinarju tqil’ fiz-zoni ta’ diżastru speċifiċi, il-ħidma biex jinstabu l-ħajjin baqgħet imfixkla mix-xita tal-istaġun tal-monsoon – u meta kien hemm ukoll periklu li jċedu aktar bini b’konsegwenza ta’ theżżiż tal-art sekondarju (aftershocks).