Internazzjonali

Ir-Russja: Alexei Navalny arrestat mal-wasla lura f’Moska

Alexei Navalny, il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa u kritiku prominenti tal-President tar-Russja Vladimir Putin, spiċċa arrestat, minuti biss wara li rritorna f’Moska mill-Ġermanja, L-iżvilupp drammatiku jseħħ xi ħames xhur wara li hu kien kważi tilef ħajtu b’kaġun ta’ attakk b’kimika li tattakka lin-nervatura tal-ġisem.

L-ajruplan li wassal lil Navalny lura pajjiżu minn Berlin (fil-Ġermanja)  niżel f’ajruport differenti minn dak skedat u wara li folol ta’ partitarji tal-Kap tal-Oppożizzjoni kienu marru fl-ajruport ta’ Vnukovo biex jilqgħu lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fil-fatt, Navalny – li għadu sallum jgħid li l-attentat fuq ħajtu kien tmexxa ‘mill-ogħla awtoritajiet tar-Russja – laħaq kellem lill-partitarji u l-ġurnalisti li laqgħuh fl-ajruport ta’ Sheremetyevo, qabel hu inżamm mill-pulizija.

Navalny sostna li ‘mhu qed jibża minn xejn għaliex jaf li għandu raġun’ u meta ilu jinsisti li l-akkużi kriminali kollha kontra tiegħu qed jibbażaw fuq l-allegazzjonijiet qarrieqa. Qabel il-wasla f’Moska, hu tenna li l-President Russu Vladimir Putin ‘għamel minn kollox biex iżommu milli jirritorna r-Russja’ u li Putin ‘ivvinta każi ġodda bil-ħsieb li hu (Navalny) jispiċċa l-ħabs mill-ġdid’.

F’Awwissu li għadda, Navalny ħassu ħażin fuq ajruplan li kien qed iwasslu minn Tomsk (fis-Siberja) lejn Moska minħabba l-effetti ta’ nerve agent li tefgħulu fix-xarba tiegħu.

Waqt l-eqqel tad-drama, il-pilota tal-ajruplan kien ivvjaġġa lejn il-belt ta’ Omsk, minfejn Navalny, eventwalment, ittieħed lejn il-Ġermanja għall-kura, waqt li fix-xifer li jitlef ħajtu. Intant, Navalny qaleb għall-aħjar u f’Settembru hu ħareġ mill-isptar, f’Berlin, fejn seta’ ikompli jirkupra mill-attakk.

Alexei Navalny qatt ma baqa’ lura mill-akkużi kontra l-Kremlin ta’ Moska waqt  li l-Gvern Russu qed jiċħad bil-qawwi li ried jelimina lill-Kap tal-Oppożizzjoni.