Lokali

Joseph Muscat falla f’dak li wiegħed – Paul Bonello

ANALIŻI ta’ Victor Camilleri f’Il-MUMENT

L-eks Prim Ministru Muscat falla. Hekk iddikjara pubblikament il-konsulent finanzjarju Paul Bonello, f’messaġġ li ħalla fuq il-media soċjali.

“… Joseph Muscat failed in his promise to me and many other switchers, namely to ensure a cleaner government that the previous Nationalist incumbent. Actually it turned out to be nightmarishly worse. No two ways about it”.

Ftit ġimgħat qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013, Paul Bonello, Konsulent  Finanzjarju u Direttur Ġenerali tal-Kumpanija FINCO, kien tkellem f’mass meeting tal-Partit Laburista f’Ħaż-Żabbar.

Il-Labour, kif jgħidu l-Ingliżi, went to town, b’dan id-diskors u saħansitra poġġew fuq You Tube is-servizz li xxandar fuq One News biex jibqa’ għall-posterità. Dawn li ġejjin huma siltiet awtentiċi mid-diskors ta’ dakinhar, it-3 ta’ Frar 2013, kważi tmien snin ilu:

PAUL BONELLO: Tistaqsuni għaliex qiegħed hawn illum. Hekku…. jien qatt ma vvutajt lill-Partit Laburista u wisq anqas qatt ma immilitajt fil-partit iżda ngħidha mill-ewwel: JIEN FID-9 TA’ MARZU SE NIVVOTA LABOUR (Ċapċip kbir).

… taħt  Joseph Muscat, Gvern Laburista jitmexxa b’mod u b’manjiera li ma hemmx post għad-dilettantiżmu. Ma hemmx post għal  deċiżjonijiet li jittieħdu fl-interessi tal-ftit kontra l-interessi tal-ħafna.

“Għandi fiduċja li għal Joseph Muscat, fil-politika ma hemmx lok mhux biss għal min jabbuża u għal min jikser il-liġi, lanqas m’hemm lok għal min jaqbeż il-linja tal-korretezza politika, tal-governanza politika n-normi taċ-ċiviltà u ta’ mġiba tajba.

“Illum qiegħed hawn biex nagħmlilhom kuraġġ. U kuraġġ l-aktar lil dawk li bħali jafu li dan il-gvern, din id-darba, ma jixraqlux li jingħata l-vot tagħna.Tibżgħux tieħdu dan il-pass deċiżiv u din id-darba tivvutaw Labour”.

Fid-diskors tiegħu Bonello kien qal ukoll li l-Partit Laburista kien sar partit tal-middle class li jrid jinkoraġġixxi lil aktar nies jieħdu l-inizjattiva u jaħdmu. Taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, qal Bonello, gvern ġdid jitmexxa b’mod tajjeb – iżda illum qed jgħid li Muscat FALLA.

Kien qal ukoll li Muscat kien semgħu u tah raġun dwar problema soċjo ekonomika filwaqt li esponenti tal-Gvern Nazzjonalista ma kinux taw widen.

Lejn tmiem dan is-servizz, il-ġurnalist ta’ One News qal: “Paul Bonello jisħaq li Joseph Muscat hu persuna li jgħaqqad u mhux jifred u għalhekk jixraqlu jingħata r-responsabbiltà għat-tmexxija ta’ pajjiżna”.