Lokali

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija mħassba bl-inċidenti f’Paceville

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija f’Malta (MPA) fi stqarrija qalet li tinsab mħassba b’ammont ta’ inċidenti li qed ikun hemm f’Paceville u f’diversi lokalitajiet ta’ divertiment oħrajn.

“L-MPA tistaqsi kif jista’ jkun, meta suppost, Bars, Clubs, Discoteques u Nightclubs huma magħluqa, skond id-disposizzjonijiet tal-Avviżi Legali 336/2020 u 478/2020, qiegħed ikun hemm incidenti fil-qrib jew saħansitra li jkunu bdew minn stabbilimenti simili.”

L-assoċjazzjoni fakket li l-membri tal-Korp tal-Pulizija qed ikollhom iħabbtu wicchom direttament ma nies li jikkagunaw inkwiet għad-detriment tas-saħħa tagħhom. “Infakkru li dawn in-nies ħadd ma jaf min huma u ma jkunux jiffurmaw parti mill-ebda ‘bubble’.”

L-MPA saħqet li qed tosserva dawn l-izviluppi mill-qrib u ma teskludix li tittieħed azzjoni sabiex tissalvagwardja s-saħħa personali tal-membri tagħha. “Inħeġġu lill-Awtoritajiet konċernati sabiex jassiguraw li l-istabbilimenti li suppost huma magħluqa, effettivament ikunu.”

L-istqarrija temmet tgħid li l-MPA temmen li fi żmien ta’ pandemija l-Awtorita tas-Saħħa għandha tara li ma jkollniex liġi għan nies u oħra għal animali.