Futbol Sport

Mill-lejla, bidla fl-iskeda tal-ħin tal-programmi Replay

Mill-lejla l-Ħadd, il-programmi dwar il-futbol lokali tal-Ħadd filgħaxija, Replay se jkollhom bidla fil-ħin tal-iskeda tagħhom fuq Net Television. Filwaqt li l-aġenzija Replay se tibqa’ iżomm l-appuntament tagħha bil-produzzjonijiet f’xandira diretta ta’ ‘Replay Live Score’ u ‘Replay’, bħal kull nhar ta’ Ħadd, issa ż-żewġ programmi se jkunu qed jibdew ftit aktar tard mis-soltu.

L-ewwel appuntament jibqa’ jkun dak mal-programm ‘Replay Live Score’, li mill-lejla se jkun qed jibda u jixxandar wara NET News tas-7:30pm u mhux qabel, bħal ma kien qed jixxandar sa nhar il-Ħadd li għadda. ‘Replay Live Score’, li hu programm partikolari u uniku fil-format tiegħu, se jibqa’ l-istess iżda se jibda fit-8:30pm sad-9pm fuq Net Television.

Matul dan il-programm ta’ 30 minuta, id-dilettanti tal-futbol lokali u anke dawk internazzjonali, se jkollhom l-opportunitá li jaraw mal-ewwel il-gowls kollha ta’ tmiem il-ġimgħa, qabel ma tibda d-diskussjoni tal-Ħadd filgħaxija fuq Replay. F”Replay Live Score’ jixxandru l-gowls mill-Kampjonat Premier, National Challenge League u l-National Amateur League f’Malta, il-Kampjonat tal-Ewwel u tat-Tieni Diviżjoni f’Għawdex kif ukoll mill-Kampjonati ewlenin fl-Ewropa, parimarjament dawk tal-Ingilterra u l-Italja.

Fid-9:05pm, wara l-ewwel waqfa ta’ reklami f’Replay, tibda d-diskussjoni dwar il-futbol lokali u tal-Ħadd filgħaxija, f’Replay bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef, is-sehem tal-mistieden tal-programm, Konrad Sultana u l-mistiedna differenti ta’ kull ġimgħa, kemm dawk li jkunu fl-istudio f’Tal-Pieta kif ukoll dawk li jintervjenu waqt il-programm b’kollegamenti diretti awdjo-viżivi. Id-diskussjoni f’Replay tibqa’ għaddejha sal-ħin tal-10:30pm, sintendi b’xandira diretta kemm fuq Net Television kif ukoll fuq il-paġna ta’ Replay fuq Facebook, li tkun qed twassal l-istess xandira li tkun qed tidher fuq it-televiżjoni, fuq il-media soċjali.

Din il-bidla fil-ħinijiet tal-programmi Replay tal-Ħadd għandha tkompli tiggarantixxi li t-tim tal-produzzjoni ta’ dawn il-programmi sportivi, ikomplu jitwasslu bl-aqwa kwalitá u kontenut possibli. Dan filwaqt li l-istess programmi, partikolarment l-ewwel appuntament ta’ Replay tal-Ħadd filgħaxija, ‘Replay Live Score’ ikompli jkun programm li grazzi għall-format partikolari tiegħu, iwassal kontenut aġġornat u tal-aħħar minuta, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam futbol Malti.

Il-programmi Replay tal-Ħadd, għandhom il-produzzjoni eżekuttiva ta’ Christian Micallef u l-assistenza ta’ Ayrton Saffrett. L-istess programmi tal-Ħadd jitwasslu ta’ kull ġimgħa fid-djar tad-dilettanti tal-futbol f’Malta, grazzi għall-appoġġ ta’ Continental Cars, IZIBET, Epic, Gillette, Link Projects, DOVE u Churchill Masters Butcher.