Lokali

“Politika li taħseb fil-ġid komuni” – Bernard Grech

"Hija din il-paġna ġdida li għandu bżonn pajjiżna"

“Il-Partit Nazzjonalista huwa dak il partit li fil-politika jagħmel l-għażliet skont dak li n-nies verament jixtiequ u għandhom bżonn – partit popolari u mhux popolist. Aħna dħalna fil-politika għax jinteressana x’se nagħtu u mhux x’se nieħdu.”

Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza attività politika bit-tema ‘Paġna Ġdida għal Pajjiżna’ fil-lokalità tal-Mosta.

Dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija, Bernard Grech qal li għandna eżempju ċar ta’ Prim Ministru inkompetenti… Prim Ministru li qalilna li jrid business as usual minn Mejju.. bil-Ministru tas-Saħħa Fearne jgħid li vaċċin se jingħata lil kulħadd sal-aħħar tas-sajf u bil-Ministru Owen Bonnici jgħid li se jkollu l-istrateġija ta’ kif pajjiżna se jirkupra mill-pandemija lesta sal-aħħar ta’ Ġunju.

Apparti t-tħassib tan-nies minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID, hawn eluf ta’ nies inkwetati li jispiccaw mingħajr saqaf fuq rashom jekk is-sid tad-dar fejn joqgħodu jiddeciedi li jiftaħ il-kawza kontrihom.

Bernard Grech qal li fl-ewwel sena tiegħu Robert Abela se jibqa’ mfakkar li wettaq żewġ reshuffles f’għaxar xhur wara falliment fis-setturi l-iktar milquta mill-Covid. Sena li matulha ma kienx kapaċi jogħla mill-partiġġjaniżmu politiku fejn fuq issues li jolqtu mill-qrib lin-nies, bħalma hi l-liġi tad-divorzju, għażel li jilgħab biss logħba politika u sa’ llum għadna qed nistennew abbozz ta’ miżuri li beħsiebu jemenda.

Kif ġara f’ħafna okkażjonijiet oħra, il-mekkaniżmu li permezz tiegħu għandha tiġi żgurata rappreżentanza aħjar u akbar tan-nisa fil-Parlament Malti huwa nieqes minn viżjoni ċara. Dan kollu juri l-inkompetenza tal-Gvern li qatt ma jressaq abbozz ta’ liġi li jkun imħejji sew.

Bernard Grech qal li fuq in-naħa l-oħra hemm Partit Nazzjonalista li l-ħidma tiegħu qed tissarraf f’ġid għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.   

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN qal li l-inkompetenza tal-Gvern tibda minn fuq nett, minn Prim Ministru li fil-mument li qal li f’pajjiżna hawn in-normalita’ smajna b’sensiela ta’ aħbarijiet li juru eżatt bil-maqlub.

Għalhekk Bernard Grech appella lill Gvern biex jingħaqad mal-Oppożizzjoni sabiex pajjiżna jirritorna għan-normliata mill-iktar fiss.

Fid-dawl ta’ dan kollu Bernard Grech iwiegħed stil ta’ politika li ġġib lura n-normalita’ biex tabilħaqq tkun tista’ tinkiteb paġna ġdida għal pajjiżna.