Lokali

“Qed niġġeddu u nissaħħu biex inkunu preparati għall-Elezzjoni Ġenerali” – Francis Zammit Dimech

Il-Partit Nazzjonalista qed igawdi minn arja friska ta' tiġdid... persuni minn kull sfera tal-ħajja... fosthom ħafna żgħażagħ b'enerġija ġdida... li jridu jikkontribwixxu biex iwarrbu Gvern arroganti

“Il-Partit Nazzjonalista għaddej minn ħafna ħidma ta’ tiġdid u tisħiħ kontinwu. Ġejjin fostna wċuħ ġodda li flimkien ma’ dawk li diġà jimmilitaw fil-Partit qed jaħdmu biex iwasslu l-messaġġ tagħna.

“Din hi ħidma li qed isseħħ b’ħafna enerġija u entużjażmu. Mużajk ta’ ħsibijiet. Il-ġodda ma’ dawk li diġà kienu jaħdmu fil-Partit. Flimkien. B’impenn wieħed. B’mira waħda. L-impenn li nissaħħu, inkunu preparti sew għall-Elezzjoni Ġenerali u nsiru gvern alternattiv kif jixraq lill-poplu Malti u Għawdxi li jrid jeħles minn Gvern arroganti.”

Francis Zammit Dimech, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista ma’ il-mument aktar milli tkellem dwar il-ħidma kbira li wettaq matul dawn il-11-il xahar li għaddew kemm ilu jokkupa din il-kariga, iffoka fuq il-ħidma u l-isfidi li għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista biex hekk ikollu l-magna elettorali tiegħu f’postha għal meta l-Prim Ministru jsejjaħ l-Elezzjoni Ġenerali, tiġi meta tiġi.

Francis Zammit Dimech beda biex qal li fil-bidu ta’ din il-ġimgħa kien ippjanat li jinbdew il-laqgħat  tal-Kumitati Sezzjonali, iżda minħabba s-sitwazzjoni serja tal-pandemija, il-Partit deherlu li jkun aktar xieraq li dawn il-laqgħat ikunu posposti. Dawn il-laqgħat xorta se jsiru b’forma oħra sabiex it-tiġdid jibqa’ għaddej b’ritmu mgħaġġel.

Il-Partit Nazzjonalista se jsib il-format adatt biex ikunu jistgħu jsiru l-laqgħat kollha tal-Kumitati Sezzjonali, iżda mingħajr il-ħtieġa li dawn isiru fil-każini minħabba li f’ħafna minnhom hemm il-problema tar-restrizzjoni tal-ispazju.

Ta’ min ifakkar li matul ix-xahar ta’ Diċembru l-Partit Nazzjonalista rnexxielu jagħmel il-Laqgħat Ġenerali Annwali tal-fergħat kollha tal-Partit. Issa l-mira tal-Partit hi li matul dan ix-xahar isiru l-laqgħat kollha tal-Kumitati Sezzjonali. Dan kollu għandu jwassal biex fi Frar li ġej ikun hemm l-elezzjoni tar-rappreżentanti li jitilgħu mid-Distretti għal fuq il-Kumitat Eżekuttiv u ssir ukoll l-għażla ta’ dawk li jitilgħu minn fost il-Kunsillieri Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Wara dan il-proċess, allura issa f’Marzu li ġej, isir il-Kunsill Ġenerali li minnu jkunu eletti n-nies li jirrappreżentaw lill-Kunsill Ġenerali fl-Eżekuttiv tal-Partit. Dan se jkun ifisser li f’temp ta’ tliet xhur se nkunu għamilna t-tiġdid  tal-fergħat kollha, tal-Kumitati Sezzjonali kollha, it-tiġdid fil-livell ta’ rappreżentanza tan-nies li l-Partit ikollu fl-Eżekuttiv mid-Distretti u wkoll ir-rappreżentanza f’isem il-Kumitati Sezzjonali u l-Kunsillieri.

Dan apparti t-tiġdid l-ieħor kollu li sar u li hu sinifikattiv ħafna. Imxejna skont l-Istatut u, fost l-oħrajn, saret ukoll il-ħatra ta’ President għad-Djalogu Soċjali  u l-President tar-Riċerka Politika. Dawn huma żewġ karigi ġodda u huma importanti ħafna biex il-Partit ikollu l-għodda meħtieġa biex jimxi ’l quddiem.

Tiġdid ieħor sar fir-rigward ta’ kandidati ġodda, ħafna minnhom żgħażagħ, biex jikkontestaw l-Elezzjoni Ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista.  “Fl-aħħar tliet xhur saret ħidma kbira f’dan ir-rigward  fejn kienu identifikati numru ta’ persuni li avviċinajthom u tkellimt magħhom għal dan l-iskop. Kien hemm ukoll numru ta’ persuni li resqu ’l quddiem minn jeddhom u wrewna l-ħeġġa tagħhom f’dan is-sens, ċioè li jagħtu servizz politiku bħala kandidati f’isem il-Partit Nazzjonalista.”

Francis Zammit Dimech kompla li minn meta beda jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali dejjem emmen li t-triq ’il quddiem hi billi l-Partit ikun fi proċess kontinwu ta’ tiġdid; ikun fi proċess kontinwu ta’ tisħiħ; ikun fi proċess kontinwu li jattira talenti ġodda lejh.

Meta l-Partit ikun qiegħed jagħmel hekk, allura jkun qed jagħti spazju ġdid importanti għal aktar parteċipazzjoni minn nies ġodda li flimkien ma’ dawk li diġà jaħdmu fil-Partit, ikomplu jwessgħu u jkabbru t-tim ta’ nies li jaħdmu biex iwasslu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.

Dan hu tiġdid li jżewweġ flimkien lil dawk kollha li ilhom jimmilitaw fil-Partit mal-uċuh ġodda. Dawn flimkien jistgħu jaħdmu f’sinerġija  u jiddedikaw mill-ħin tagħhom biex jikkontribwixxu b’risq il-Partit Nazzjonalista.

“Il-Partit Nazzjonalista hu fortunat li għandu eluf ta’ nies li ilhom jimmilitaw fih b’ħafna enerġija u b’ħafna entużjażmu. Il-messaġġ lil dawn in-nies hu wieħed ċar ħafna u sempliċi… intom tridu tkomplu taħdmu u tirsistu kif dejjem għamiltu. Imma magħkom żdied element ġdid li hu ġej minn nies ġodda li huma wkoll iridu jingħaqdu magħkom biex jaħdmu għall-ġid tal-Partit.”

Ħafna huma l-uċuh ġodda, fosthom ta’ żgħażagħ u nisa, li jridu jaħdmu fi ħdan il-familja tal-Partit Nazzjonalista fejn hemm ħafna xogħol xi jsir.

Dan hu tiġdid mill-aktar importanti. Mhux tibdil. Imma tiġdid biex dawk kollha validi u li jridu jagħtu servizz minn ħdan il-Partit Nazzjonalista, allura jkunu jistgħu jingħaqdu flimkien u jagħtu s-sehem u l-kontribut tagħhom biex l-istess Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ u jikber.

Francis Zammit Dimech qal li llum hu jara lill-Partit Nazzjonalista fil-bidu ta’ triq li twasslu biex jerġa’ jkun kredibbli mal-poplu Malti u Għawdxi. Beda jsir xogħol ferm importanti, iżda t-triq għadha waħda twila. Kollox irid isir b’impenn biex il-Partit jikseb mill-ġdid il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi u jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali li ġejja.

Hu qal li l-Partit fadallu mixja twila quddiemu għaliex hemm  il-kwistjoni tad-distakk bejnu u bejn il-partit fil-Gvern, iżda issa l-Partit Nazzjonalista jinsab f’distanza ferm inqas minn qatt qabel biex jilħaq lill-Partit Laburista.

“Illum qiegħed nara lill-Partit Nazzjonalista bħala partit aktar żagħżugħ u aktar mimli b’determinazzjoni biex jilqa’ l-isfidi elettorali li se jkollu quddiemu.

Il-Partit Nazzjonalista, bl-aktar mod demokratiku trasparenti, diġà għadda mill-proċess ta’ għażla ta’ Kap ġdid u l-Partit Nazzjonalista kien kapaċi jgħaddi minn dak il-proċess kollu anki fl-isfond tal-pandemija fil-pajjiż. Kien proċess mill-aktar trasparenti u fih ipparteċipaw xejn inqas minn 18,000 persuna.

“Għandna nkunu kburin b’dak kollu li għamilna, iżda issa rridu nħarsu ’l quddiem għaliex il-ħidma politika fil-Partit u fil-pajjiż tkun definita billi nħarsu ’l quddiem lejn dak kollu li fadlilna x’inwettqu għall-ġid tal-Partit u għall-ġid tal-pajjiż.”

Francis Zammit Dimech kompla li fl-aħħar xhur hu ħa ħsieb ħidma importanti biex il-Partit jerġa’ jattira lejh għadd kbir ta’ persuni li kienu jimmilitaw fil-volontarjat fi ħdan il-Partit. “Irrid ngħid li fl-aħħar ġimgħat u xhur reġgħu lura ħafna voluntieri li qed jagħtu mill-ġdid sehem importanti fil-kawża tal-Partit Nazzjonalista.

“Il-ħidma li trid issir hi waħda kbira ħafna u hi waħda varjata. Illum hawn preżenza ferm akbar ta’ nies fid-Dar Ċentrali u flimkien qed jirnexxielna naħdmu bl-aktar mod ħabrieki. Din hi ħidma importanti li jrid jagħmel is-Segretarju Ġenerali kif fil-fatt sar mis-Segretarji Ġenerali preċedenti li kellu l-Partit Nazzjonalista. Irridu nibnu fuq il-ħidma ta’ xulxin u allura nkunu qed insaħħu fuq dak li wieħed ikun sab.”

Francis Zammit Dimech qal li l-ħarsa ’l quddiem tfisser ukoll li l-Partit Nazzjonalista jrid ikollu l-magna elettorali tiegħu għal-lest biex hekk kif il-Prim Ministru jsejjaħ l-Elezzjoni Ġenerali, allura aħna nkunu mħejjija u preparati biex intellqu f’dik it-tellieqa.

“Naturalment il-Partit Nazzjonalista m’għandux il-lussu bħall-Partit Laburista li jkun jaf jew almenu jkollu idea meta se ttissejjaħ l-Elezzjoni Ġenerali. Kulħadd jaf kif il-Prim Ministru li għandna jgħid ħafna affarijiet u ġieli jgħid li se jsejjaħ Elezzjoni Ġenerali fil-qrib u mbagħad jgħid li se jagħmel it-terminu kollu…

“Il-verità hi li din hi prerogattiva tal-Prim Ministru u min-naħa  tagħna rridu nkunu preparati tajjeb biex il-magna elettorali tagħna tiskatta tiġi meta tiġi l-Elezzjoni.”

Francis Zammit Dimech kompla li hu għalhekk li hu qiegħed jaħdem qatigħ biex din il-magna elettorali tkun f’postha u lesta. “Irrid li n-nies ikunu magħżula u jafu x’għandhom jagħmlu. Jien kburi li membri tal-Grupp Parlamentari u anki kandidati diġà kienu approvati għall-Elezzjoni Ġenerali, diġà bdew iżidu l-laqgħat tagħhom man-nies.

“Dan hu eżerċizzju ferm importanti. Il-kuntatt man-nies. Naturalment bħalissa hemm id-diffikultajiet tal-pandemija, iżda nista’ ngħidlek li għandna Membri Parlamentari u anki Kandidati li qed jagħmlu x-xogħol ta’ kuntatt man-nies bl-aktar mod assidwu.”

Francis Zammit Dimech kompla li hu se jkompli jaħdem biex ifittex Kandidati ġodda għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. “Irrid li jkollna tim ta’ Kandidati b’saħħtu ħafna. U rrid ukoll li nsaħħu l-midja tagħna.

“Tajjeb li wieħed jgħidha bl-aktar mod ċar li fil-pajjiż hawn min jixtieq li l-midja tagħna ma tibqax aktar tiffunzjona. Wieħed japprezza li fir-rigward tal-midja, il-Partit Nazzjonalista jinsab fi żvantaġġ kbir għaliex il-Gvern preżenti qed juża mezzi infiniti biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Dan mhux biss għaliex għandu f’idejh il-mekkaniżmu tal-Istat, imma anki għaliex għandu bir bla qiegħ biex iwassal il-messaġġi tiegħu fuq il-mezzi soċjali.

Il-Gvern, fejn jidħol l-użu tal-midja, qed jilgħab bl-aktar mod sfaċċat, għaliex le fil-pajjiż m’hawnx level playingfield li hi korretta u ġusta.”

Hu qal li x-xogħol quddiem il-Partit Nazzjonalista jinkludi wkoll ħidma importanti biex jasal għand kull min hu parti mis-soċjetà ċivili.  Is-soċjetà ċivili tinkludi l-każini kollha fl-ibliet u fl-irħula, l-għaqdiet li jkunu qed jagħmlu xogħol komunitarju, organizzazzjonijiet b’interessi varji.

Sadattant il-Partit Nazzjonalista qiegħed jiġbor id-dokumenti kollha relatati mat-tfassil tal-viżjoni politika tiegħu. Diġà nħarġu għadd ġmielu minn dawn id-dokumenti politiċi u magħhom se jkunu qed jingħaqdu aktar dokumenti mill-aktar importanti.

Naturalment dan se jsir wara li l-Partit Nazzjonalista jkun iltaqa’ man-nies u sema’ mingħandhom dak li jixtiequ għall-quddiem  biex ikollhom stil ta’ ħajja aħjar; kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-Partit Nazzjonalista jrid li finalment isawwar il-Programm Elettorali tiegħu. Dan kollu jrid isir grazzi għal ġimgħat u xhur mimlija ħidma enerġetika u bla waqfien minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom lill-istess Partit Nazzjonalista.

Dawk kollha li għandhom għal qalbhom lill-Partit Nazzjonalista hu mistenni minnhom li jipparteċipaw bis-sħiħ biex hekk il-Partit jissokta jasal għand in-nies.

“Din hi ħidma importanti kollettiva li trid issir b’risq Malta tagħna. L-isfidi li għandna quddiemna bħala Partit Nazzjonalista huma bażati fuq l-impenn li nagħtu mill-ġdid lill-poplu Malti u Għawdxi s-serħan tal-moħħ. Pajjiżna għandu bżonn ta’ gvern u tmexxija differenti. Mhux aktar Gvern arroganti u mifni mill-korruzzjoni, iżda Gvern alternattiv mibni fuq is-serjetà, il-maturità u li tassew jisma’ dak li għandhom xi jgħidu n-nies.

“Il-poplu Malti u Għawdxi xaba’ minn Gvern li hu distakkat mill-poplu; imbiegħed mill-poplu. Hu biss il-Partit Nazzjonalista li fil-preżent joffri l-kalma u s-serenità li l-poplu għandu bżonn aktar minn qatt qabel,” temm Francis Zammit Dimech.