Lokali

Rapporti jikxfu l-manuvri li għaddejin fil-PBS

Il-PBS hu ffinzanzjat mit-taxxi tagħna u għall-ħames snin li ġejjin il-Gvern se jkun qed joħroġ €30 miljun

F’dawn il-jiem il-Gvern permezz tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela beda proċess suppost ‘konsultattiv’ biex ikompli jsaħħaħ il-kontroll fuq ix-Xandir Nazzjonali.

Rapporti li irċieva dan is-sit jindikaw li l-proċess lejn kontroll assolut tax-Xandir tal-Istat qed jitmexxa minn Joshua Zammit, li hu magħruf sew għall-konsulenzi li qed jieħu mill-Gvern u għal qrubija tiegħu mal-eks Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, u strateġisti oħra fil-Partit Laburista.

Iċ-chairperson tal-PBS, Carmen Sammut li kienet wegħdet li se taħdem għal xandir iktar oġġettiv u imparzjali, jidher li daħħluha sew f’dan il-proċess. Imkejjen fil-PBS qalu li idejn iċ-chairperson, iżda, huma marbutin sew u kollox qed jiġi deċiż minn Kastilja kif hu mifhum li qed jiġri l-ħin kollu fil-kontenut jixxandar fl-aħbarijiet u l-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti mmexxija minn eks ħaddiema tal-Partit Laburista jew tal-GWU.

Il-manipulazzjoni u l-kontroll iddisprat tal-Gvern fuq il-PBS se jkomplu jidhru fil-jiem li ġejjin meta, dejjem skont is-sorsi tagħna, fil-Kamra tal-Aħbarijiet se jirritornaw l-eks impjegat tal-Partit Laburista Owen Galea li bħalissa jmexxi l-midja soċjali tal-Prim Ministru, u Massimo Axisa li allegatament tneħħa minn kelliem tal-Ministru Edward Zammit Lewis.

Is-sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-Kap tal-Aħbarijiet, Norma Saliba, għamlet pressjoni kbira biex Massimo Axisa jerġa’ jiddaħal fil-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS.

Il-PBS hu ffinzanzjat mit-taxxi tal-poplu u fl-aħħar jiem il-Ministru Abela reġa’ ftaħar li għall-ħames snin li ġejjin il-Gvern se jkun qed joħroġ €30 miljun għax-xandir tal-istat.