Lokali Saħħa

Din hi s-sitwazzjoni f’Monte Carmeli

L-Isptar Monte Carmeli – sptar li kif jixhdu dawn ir-ritratti spiċċa kompletament mitluq u minsi għal kollox mill-Gvern Laburista tant li x-xita qed toħloq problemi kbar fl-istrutturi tal-isptar. L-ilma tax-xita qed jidħol minn kullimkien u qed jagħmel straġi f’Monte Carmeli.

Tul dawn l-aħħar snin kienu bosta dawk li tkellmu ma’ Net News dwar is-sitwazzjoni li jinsab fiha dan l-isptar u minkejja l-pressjoni kontinwa li saret biex isir xi ħaġa – sal-lum għadu ma sar xejn.

Dan qed iwassal għal periklu kbir għal dawk li jaħdmu f’dan l-isptar, il-persuni li jinsabu rikoverati fih u l-qraba li jżuruhom.

Issa li pajjiżna qed jesperjenza ħinijiet twal ta’ xita, is-sitwazzjoni kerha li jinsab fiha l-Isptar Monte Carmeli kompliet toħroġ biċ-ċar. Filfatt dawk li jagħmlu użu minn dan l-isptar qed isejħu għal azzjoni immedjata qabel jinqala’ xi inċident iktar gravi.

Fl-ahhar jiem, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, it-Tabib John Cachia qal li l-ambjent ta’ dan l-isptar għadu ferm ‘il bogħod minn dak mixtieq u għad hemm numru ta’ prattiċi li għadhom qed iseħħu fl-Isptar Monte Carmel li ma jirrispettawx id-drittijiet u d-dinjità tal-pazjenti.