Internazzjonali

Stati Uniti: Biden iħejji biex idawwar lura l-politika ta’ Donald Trump

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Joe Biden, ħejja d-direttivi eżekuttivi bil-għan li jibdel jew idawwar lura wħud mill-aktar aspetti politiċi kontroversjali li kienu implimentati waqt it-Tmexxija ta’ Donald Trump li wasal biex jispiċċa mit-tmexxija ta’ pajjiżu.

L-inawgurazzjoni ta’ Biden bħala s-46 President Amerikan se ssir nhar l-Erbgħa u jidher li hu se joħroġ ‘minnufih’ id-direttivi biex l-Istati Uniti tissieħeb mill-ġdid fil-Ftehim (storiku) ta’ Pariġi dwar il-Klima, mal-ewwel jum uffiċjali tal-Presidenza l-ġdida.

Mistennija wkoll direttiva li taqleb il-miżura eżekuttiva ta’ Trump għar-restrizzjoni tal-ivvjaġġar li, fl-aħħar snin, qanqlet il-problemi kbar,  fost  kontroversja sħiħa.

Impenn ieħor ta’ Biden hu biex ma jibqgħux ‘fi stat ta’ limbu’ it-tfal li spiċċaw separati mill-ġenituri fiz-zoni mal-fruntiera tal-Istati Uniti,  bħala parti mill-politika ta’ ‘tolleranza zero’ tal-Gvern ta’ Trump. Fl-istess ħin, Biden se jintroduċi sensiela ta’ direttivi relatati mal-‘gwerra kontra l-Covid-19’ u li jesiġu għall-ilbies tal-maskri fil-pubbliku.

Waqt li qed javviċina jum l-inawgurazzjoni tal-Presidenza ġdida, il-50 Stati Amerikani jinsabu fuq stat ta’ allert għoli minħabba l-potenzjal ta’ vjolenza ġdida mill-partitarji estremisti ta’ Donald Trump li ma aċċettawx it-telfa tal-President Repubblikan fl-elezzjoni (għall-presidenza) tat-3 ta’ Novembru.

Dan meta eluf ta’ truppi tal-Gwardja Nazzjonali jinsabu stazzjonati fl-aktar distretti ‘delikati’ ta’ Washington biex jevitaw il-potenzjal ta’ xi irvell ġdid fil-kapitali fil-ħin meta Biden ikun qed jieħu l-ġurament tal-ħatra.