Internazzjonali

Covid-19: Jingħalqu r-rotot lejn ir-Renju Unit… L-Awstralja mhix mistennija tiftaħ il-fruntieri għal kollox matul is-sena

Ir-Renju Unit qed jagħlaq ir-rotot kollha għan-nies li jridu jivvjaġġaw lejn it-territorji tiegħu sal-15 ta’ Frar li ġej. Dan qed isir bil-għan li l-pajjiż jipproteġi ruħu kontra l-varjanti ġodda tal-Covid-19 li għad iridu jkunu identifikati u analizzati għall-potenzjal qattiel.

Għalkemm il-Gvern Britanniku qal li r-Renju Unit qed jagħmel progress fil-ġlieda kontra l-virus, il-Prim Ministru Boris Johnson esprima tħassib dwar ‘l-intoppi’ minħabba l-varjanti tal-virus, li, għalissa, ftit nafu dwarhom.

L-għeluq tar-rotot għall-ivvjaġġar (travel corridors) lejn ir-Renju Unit ifisser li kulmin jasal fil-pajjiż minn barra jkollu jgħaddi perjodu speċifiku taħt kwarantina. Taħt ir-regoli attwali, kulmin jaqbad titjira lejn ir-Renju Unit minn barra irid bilfors jipproduċi test negattiv għall-coronavirus qabel jibda l-vjaġġ.

Intant, fl-aħħar sigħat, kien hemm rapporti dwar ‘sriebet twal ta’ nies’ fl-ajruport ta’ Heathrow, f’Londra, u meta issa mistennija ‘ġranet ta’ konfużjoni u inkonvenjent’ għal ammonti kbar ta’ ċittadini minħabba s-sitwazzjoni.

Fl-aħħar żviluppi, iċ-ċittadini ta’ 70 sena u aktar li jgħixu fl-Ingilterra, flimkien ma’ persuni reġistrati bħala ‘klinikament vulnerabbli’ qed jibdew jirċievu l-avviżi biex jieħdu t-tilqima għal kontra l-Covid-19 matul il-ġimgħa. Boris Johnson tenna li dan irid jitqies bħala tragward sinifikanti fil-programmi tat-tilqim li qed imexxu l-awtoritjiiet Britanniċi.

Intant, ‘il fuq minn ħames miljun persuni mill-gruppi tan-nies li qed jingħataw priorità kellhom ikunu mitluba biex jingħataw it-tilqima mill-aktar fis u anki ‘fi kwistjoni ta’sigħat’.Dan waqt li fetħu għaxar vaccination hubs ġodda madwar l-Ingilterra.

Fl-istess ħin, il-Ministru Britanniku responsabbli mill-programm tal-vaċċini, Nadim Zahawi, hu fiduċjuż li tintlaqa’ il-mira biex mal-15-il miljun persuna ‘ minn fost l-aktar vulnerabbli’ jingħataw it-tilqima sa nofs-Frar.

Sadanittant, mhux probabbli li l-Awstralja tiftaħ għal kollox il-fruntieri tagħha matul din is-sena – anki f’sitwazzjoni fejn il-maġġoranza tal-poplu jingħataw it-tilqima kontra l-Covid-19.

Is-Segretarju tad-Dipartiment tas-Saħħa, Brendan Murphy, fil-fatt, esprima t-twemmin li pajjiżu se jkompli jimplimenta r-restrizzjonjiiet sostanzjali mal-fruntieri sal-aħħar tal-2021, bl-awtoritajiet tas-saħħa qed janalizzaw bir-reqqa l-iżvilupp tal-pandemija u fuq kollox il-varjanti l-ġodda tal-virus.

Il-linji tal-ajru kienu qed jittamaw li t-titjiriet lejn l-Awstralja kienu se jkomplu din is-sena, jew almenu minn Lulju li ġej. Iżda Brendan Murphy jemmen li l-ħteġiet ta’ kwarantina għall-persuni li jivvjaġġaw lejn pajjiżu ‘iridu jkomplu għal żmien mhux ħażin’.

Iċ-ċittadini, ir-residenti permanenti u persuni li għandhom ‘ċerti eżenzjonijiet’ se jitħallew jidħlu l-Awstralja dment li huma jibdew u jikkonkludu perjodu ta’ 14-il jum kwarantina f’lukanda għall-ispejjeż tagħhom.

Fi żviluppi oħra

Franza qed iżżid il-programmi tat-tilqim kontra l-Covid-19 biex tinkludi lin-nies ta’ aktar minn 75 sena bil-kundizzjonijiet mediċi serji — u wara l-pajjiż spiċċa kritikat ‘għall-pass kajman ta’ dawn il-programmi’. Franza anki ssikkat ir-restrizzjonijiet għan-nies biex jidħlu f’artha – biċ-ċittadini ta’ pajjiżi minn barra l-Unjoni Ewropea jridu jipproduċu provi ta’ test negattiv għall-Covid-19 biex jingħataw aċċess.

L-Awstrija żiedet il-lockdown preżenti għas-7 ta’ Frar waqt li introduċiet diversi miżuri ġodda ( aktar iebsa) li fost oħrajn jinvolvu żieda fil-linji gwida għal social distancing minn metru għal żewġ metri.