Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Covid: Żieda fl-użu ta’ sustanzi u fl-ansjetà fost l-istudenti Universitarji

Studju li sar mill-Universita ta’ Malta juri li l-istudenti ta’ din l-istituzzjoni kienu fost dawk li bgħatew l-effetti ħziena tal-pandemija tal-Covid-19.

L-istudju, li sar minn Jamie Bonnici, Marilyn Clark u Andrew Azzopardi fi ħdan il-Fakulta għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, sab li l-istudenti tfajliet bgħatew aktar ansjetà u biża mill-virus.

Persuni li jqisu ruħhom reliġjużi wkoll esperjenzaw aktar biża minn dawk li mhumiex.

Skont din ir-riċerka, fl-aħħar xhur, l-istudenti esperjenzaw aktar ansjetà, dipressjoni, eżawriment, solitudni u rabja, u anke hawn dawn l-emozzjonijiet kienu aktar prevalenti fit-tfajliet milli fil-ġuvintur

L-istudju sab ukoll li s-servizz ta’ sapport tal-istudenti jeħtieġ ikunu aktar preparati biex ikunu jistgħu jagħtu l-għajnuna li jkollhom bżonn iż-żgħażagħ li kawża ta’ l-istress li sofrew fl-aħħar xhur, ikunu qed isibuha diffiċli biex ikomplu bl-istudji tagħhom, u oħrajn li fl-aħħar xhur żiedu fil-konsum ta’ sustanzi inkluż alkoħol, sigaretti u drogi.

Fil-konlużjonijiet, l-istudju jgħid li dawn is-servizzi għandhom ikollhom l-għodda kollha biex ikunu jistgħu verament jagħtu l-assistenza meħtieġa anke fid-dawl tal-fatt li hija mistennija żieda ta’ talbiet għall-għajnuna hekk kif il-pandemija għadha fostna.

Kien innutat ukoll li r-reliġjożità isservi biex tnaqqas il-konsum ta’ sustanzi fost iż-żgħazagħ, iżda ntefa’ dawl fuq l-użu elevat ta’ medikazzjoni għall-uġigħ fost it-tfajliet.

L-istudju jisħaq li hemm bżonn ta’ aktar attenzjoni dwar iż-żieda fl-użu ta’ sustanzi u l-effetti ħżiena kemm fiżiċi kif ukoll psikoloġiċi tal-persuna, u jirrakkomanda li jkun hemm agenda soda u strutturata ta’ riċerka fi ħdan l-Università sabiex ikun imħares kontinwament il-benesseri tal-istudenti, kif ukoll talab fondi adegwati biex ikun jista jsir dan.