Kultura Lokali

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jattakka d-deċiżjonijiet tal-Gvern

“Dan mhux normali” – hekk sostna l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, f’appell dirett lill-Gvern Laburista u lill-Prim Ministru Robert Abela wara li ġew infortmati li mhux ser ikunu jistgħu jużaw Sala Repubblika fiċ-Ċentru tal-Konferenzi Dar il-Mediterran f’Novembru ta’ din is-sena.

Dan wara li l-KNK spjega li kemm il-Kunsill kif ukoll l-industrija tal-kotba għandhom ikollhom aċċess sħiħ u bla riżervi għal Dar il-Mediterran bil-għan li jkunu jistgħu jorganizzaw il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 bejn l-10 sal-14 ta’ Novembru, inkluż fis-snin ta’ wara.

B’dispjaċir il-Kunsill ħabbar li minflok il-Festival, matul dan il-perjodu Dar il-Mediterran ser ikun qed jintuża għal xow internazzjonali ta’ Cirque de Soleil, spettaklu ssussidjat pubblikament.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb tenna li huwa fatt magħruf li bħal diversi industriji oħra, dik tal-kotba, sofriet daqqa ta’ ħarta ekonomika kbira kawża tal-pandemija li infirxet fi xtutna fl-aħħar xħur u għaldaqstant teħtieġ is-sapport kollu tal-Gvern. Iżda, jekk f’Dan il-Mediterran l-ispazju ser ikun ristrett, inevitabbilment ser ikun qed jaffettwalhom id-dħul, deskritt bħala kruċjali għall-eżistenza tal-industrija infisha.

Il-KNK insista li huma użaw dawn is-swali ankè fl-eqqel tal-pandemija, meta ħaddieħor kien qed jikkanċella kollox u issa l-industrija qed tingħata l-ġenb. Dan filwaqt li ġibdu l-attenzjoni dwar jekk is-sussidju mill-fondi pubbliċi tas-Cirque de Soleil hux effettivament konformi mal-liġi tal-Unjoni Ewropea, minħabba s-sempliċi raġuni li matul l-2020 din il-kumpanija falliet.

Dan filwaqt li l-aġir tal-Gvern ġie deskritt bħala wieħed stramb u assurd l-għaliex jipprijoritizza l-barrani milli l-industrija lokali, magħmula min-negozji żgħar ta’ familji li jaħdmu qatigħ sabiex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum.