Lokali

Il-Ministru tal-Pulizija ma jiċċarax fuq id-diskriminazzjoni dwar il-leave tal-kwarantina

“Ċittadini tat-tieni klassi”.

Hekk qed iħossuhom il-Pulizija meta, b’differenza għal dak li qed jiġri fost il-ħaddiema l-oħrajn taċ-Ċivil, l-Uffiċjali tal-Korp mhux qed jitħallew jużaw il-leave tal-kwarantina f’każ li jkunu infettati bil-Covid-19.

Il-Pulizija spiċċaw jittalbu quddiem il-Prim Ministru u quddiem id-Deputat Prim Ministru, li t-tnejn li huma injoraw it-talbiet tagħhom biex dan l-aġir diskriminatorju min-naħa tal-Gvern jieqaf.

Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Byron Camilleri tana x’ nifhmu li fil-fatt il-Pulizija qed jitnaqqsilhom is-sick leave u mhux jitħallew jużaw il-leave tal kwarantina.

Iżda l-Ministru Camilleri minuta biss qabel irrefera għall-leave tal-kwarantina anke għall-Pulizija.

S’issa jidher li l-Pulizija għadhom qed jiġu ddiskriminati f’din il-kwestjoni u se jkollhom jibqgħu jitkarrbu sakemm forsi xi ħadd jiddeċiedi li jtihom dak li ħaddiema oħrajn taċ-ċivil qed jieħdu bi dritt.

Politika diskriminatorja li wasslet ukoll għall-kundanna tal-Partit Nazzjonalista, li min-naħa tiegħu esprima solidarjetà u sellem lill-Uffiċjali kollha tal-Korp għall-ħidma bla heda tagħhom bħala frontliners fl-eqqel tal-pandemija.