Clyde Puli, PN
Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli sostna li l-pont li l-Gvern irid jagġmel fil-bypass tal-Imrieħel se jikkaġuna biss ħsara lill-komunità ta’ Ħal Qormi.
Fil-parlament Clyde Puli qal li l-pont li qed jippronoi l-Gvern fil-bypass mhux meħtieġ u se jikkaġuna diffikultajiet u problemi għall-Qriema, fosthom għat-tradizzjoni tal-logħob tan-nar fil-lokal. Hu qal li l-lokal hu diġà meqrud minħabba t-traffiku u t-tniġġiż u għalhekk il-Gvern irid jisma’ l-karba tan-nies.
Dan il-proġett mhux isir f’ġieħ il-progress, “irrid nikkonserva l-ambjent u l-arja nadifa flimkien mat-tradizzjonijiet ta’ Ħal Qormi”. Il-Gvern qed iwettaq biss rigress biex jaqdi żona industrijali.
Hu kompla li dan mhux sostenibbli u mhux iżomm bilanċ bejn ambjent u żvilupp. Irid ikun speċifikat ukoll jekk hux se jintmiss il-proġett tal-ilma li sar biex tittaffa l-problema tal-ilma f’Ħal Qormi. Ftit ġimgħat ilu rapport mill-Università ta’ Malta qal li Ħal Qormi hu wieħed mill-iktar tliet lokalitjiet imniġġsa f’Malta; iżda l-Gvern xorta se jagħmel proġett biex iżid it-traffiku f’Ħal Qormi.
Id-deputat Nazzjonalista appella għal sistema oħra u aħjar tat-traffiku f’Ħal Qormi u sostna li hemm bżonn kontroll tat-traffiku fil-lokal biex ikunu evitati l-perikli. Hu qal li l-proġett ta’ pavimentar ħdejn il-knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan ukoll fih perikli iżda l-Gvern reġa’ ma kkonsulta ma’ ħadd dwaru.
Hu kompla li anki l-ET Marie Louise Colieoro, Alfred Sant u s-Sindku ta’ Ħal Qormi ddikjaraw li dan il-proġett tal-bypass mhux tajjeb. Il-bdiewa se jkollhom l-art agrikola tagħhom meħuda, sostna Clyde Puli, li staqsa lil min il-Gvern irid jaqdi b’dan il-proġett. Ħadd mhu jaqbel ma’ dan il-proġett għaliex se jeqred il-ftit raba’ li fadal.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-bdiewa diġà sofrew minħabba t-toroq fil-lokal u sostna li l-parti tal-kisra fil-bypass għandha tingħalaq iżda ma ssirx flyover li se tiswa l-miljuni. Dan mhux aċċettabbli, sosta Clyde Puli, li qal li f’Ħal Qormi hemm żewġ kmamar tan-nar bi tradizzjoni kbira li issa jinsabu taħt attakk. Infrastructure Malta qed isserraħ ras il-kunsill lokali iżda l-Gvern mhux iwieġeb il-mistqosijiet dwar l-effetti fuq il-kmamr tan-nar.
Fil-wied hemm ukoll applikazzjoni għal garaxxijiet inudstrijali li se jeffettwaw il-kamra tan-nar ta’ San Bastjan. Dawn se jeqirdu t-tradizzjoni importanti f’Ħal Qormi, li diġa hu mdawwar b’ħafna oqsma industrijali. Ħal Qormi ma jiflaħx iktar tniġġiż tat-traffiku anki minħabba li r-raħal issa hu maqsum f’diversi toroq.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li Ħal Qormi sar imiss ma’ kullimkien u m’hemmx għelieqi li jifiriduh. Dan hu proġett li l-Qriema ma jridux għax se jkompli jifgahom. Hemm ukoll problema biex in-nies joħorġu minn Ħal Qormi. Il-Ministru qed jgħid li għandu master plan iżda mhux jippubblikah; il-poplu jrid jara dan il-master plan biex jara x’inhu dan il-progress li qed jitkellem fuqu l-Gvern.
Il-Gvern għandu jerġa’ jagħmel il-pjanti; bi ftit rieda tajba nistgħu naslu. Il-Qriema magħqudin fuq din il-kwistjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li dan hu proġett żejjed li jagħmel biss ħsara lil Ħal Qormi.
//= $special ?>