Coronavirus Lokali Saħħa

“In-nies xorta se jiltaqgħu fi gruppi għall-Karnival” – UPE

Minkejja li diversi attivitajiet tal-massa ġew ikkanċellati għall-żmien il-Karnival ta’ din is-sena, ninsabu ferm inkwetati għaliex kollox qiegħed jindika li diversi persuni xorta waħda qed iħejju sabiex jiltaqgħu għaċ-ċelebrazzjonijiet minkejja l-appelli persistenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Hekk sostniet l-Union of Professional Educators – Voice of the Workers fejn qalet li t-tmiem il-ġimgħa tat-12 ta’ Frar qed jindika li ser ikun perjodu ieħor fejn konsegwenza tiegħu, sfortunatament, ser ikollna żieda qawwija ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 jekk il-Gvern ma jieħux miżuri serji  u rigorużi sabiex jippreveni dan milli jseħħ.

Il-UPE saħqet li hemm evidenza li diversi persuni qed jippjanaw li jmorru Għawdex matul tmiem il-ġimgħa tal-Karnival – b’numru kbir ta’ farmhouses diġà jinsabu bbukjati. L-Unjin sostniet li din ma hija xejn ħlief konferma li bosta persuni xorta waħda ser ikunu qed jitħaltu flimkien matul dawn il-jiem, bħal ma għamlu tul il-festi tal-Milied.

Dan filwaqt li l-UPE tinsab imħassba wkoll rigward il-festi tal-Għid, b’dawn il-btajjel jaslu ftit wara l-pawża skolastika tal-Karnival – u ankè hemmhekk, kompliet l-unjin, kollox qed jindika li l-pubbliku diġà qed iħejji għalihom – minkejja l-appelli kontinwi tal-esperti mediċi u l-awtoritajiet tas-saħħa.

Għaldaqstant, il-UPE appellat lill-Gvern sabiex ikun aktar viġilanti u jieħu kull miżura ta’ prevenzjoni neċessarji bil-għan li tiġi evitata żieda sostanzjali oħra fil-każi.

L-Unjin saħqet li bin-numri ġodda ta’ kuljum qrib il-mitejn, huwa ċar li r-restrizzjonijiet li hawn bħalissa m’humiex biżżejjed.