Lokali Qorti

Konferma minn Joseph Muscat fuq ħlas ta’ €100 miljun lil Steward jekk jiġi terminat il-kuntratt

Klawsola ta’ terminazzjoni ta’ somma ta’ €100 miljun tagħmel parti mill-ftehim ma’ Steward Health Care biex jiġu privatizzati tliet sptarijiet tal-istat ġiet inkluża bħala mod biex tiggarantixxi self bankarju.

Din saret b’mod mingħajr ma tikser ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat. Sadanittant il-Gvern ma kienx qed ifittex investitur ieħor miflok il-Vitals.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat li kien qed jixhed quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale f’każ ppreżentat mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li qed ifittex biex ftehim ta’ 30 sena, li jista’ jiġi estiż għal 90 sena,  dwar l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex Ġenerali  jiġi revokat u jingħataw lura lill-poplu Malti.  

F’mumenti minnhom waqt ix-xhieda tiegħu Muscat deher skomdu jwieġeb għad-domandi u f’ħinijiet beda jgħolli leħnu u jattakka lill-Partit Nazzjonalista kif ukoll lill-Avukat Edward Debono li f’isem Adrian Delia beda jagħmel il-mistoqsijiet.

Muscat ikkonferma li  l-klawsola tal-ftehim torbot lill-Gvern biex iħallas l-ammont ta’ ta’ €100 miljun lil Steward Health Care jekk ftehim ta’ 30 sena biex jiġu pprivatizzati tliet sptarijiet tal-istat jintemm qabel iż-żmien.

Edward Scicluna, li kien Ministru tal-Finanzi meta ġie nnegozjat il-ftehim, kien xehed ix-xahar li għadda li sar jaf bil-klawsola biss wara li ġiet iffirmata.

Joseph Muscat qal li l-klawsola kienet inkluża bħala mod biex tkopri riskju li bank lokali kien espost għalih bħala parti mill-ftehim ta’ privatizzazzjoni. Huwa qal li l-Gvern ma setax jiggarantixxi s-self tal-bank mingħajr ma joqgħod mar-regoli tal-UE.

F’’każ li l-kuntratt jiġi annullat fil-Qorti, Muscat qal li l-Gvern jieħu lura l-iskola medika u jagħmel tajjeb għaliha hu. Meta mistoqsi minn Delia dwar kemm sar xogħol fuq it-tliet sptarijiet u jekk ġiex onorat dak li kellu jsir fuq is-sodod li kellhom isiru fl-isptarijiet f’Malta kif ukoll f’Għawdex, Muscat wieġeb qal li Delia qed ikun politiku u beda jattakka lill-PN minħabba li dam aktar milli jmissu biex lesta l-isptar Mater Dei.

Delia kien qed jitkellem fost affarijiet oħra l-450 sodda li kellhom jsiru u l-manutenzjoni tal-istess sptarijiet fejn hawn Muscat reġa’ deher skomdu jwieħeb fuq il-manutenzjoni tal-Isptar San Luqa.

Muscat xorta qal li huwa jemmen li sar ħafna xogħol wara li l-Gvern reħa l-isptarijiet min idejh, fosthom fuq l-iskola medika f’Għawdex. Mistoqsi minn Adrian Delia kemm qed jibbenfikaw minn dan kollu l-Għawdxin, peress li din l-iskola hija intiża għall-barranin, Muscat qal li bilfors kellha tingħata konċessjoni.

“Din kellha tibda topera mill-ewwel minħabba li bis-saħħa ta’ hekk il-Vitals, li skont hu ma kellhiex idea min huma qabel ma’ ġew Malta,kienu se jagħmlu l-qliegħ u dan kien ifisser li bis-saħħa ta’ hekk li fil-futur il-pajjiż ma kienx ikollu għalfejn jinkwieta biex iżomm is-settur tas-saħħa bla ħlas.

Fis-sagħtejn tax-xhieda tiegħu, Muscat qal li huwa ħa r-responsabbiltà għall-konċessjoni u li l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet kienet tagħmel sens fil-kuntest ta’ Malta. Iżda huwa insista wkoll li d-deċiżjoni finali kienet tal-kabinett u li l-Ministri tiegħu kienu iltaqgħu 12-il darba dwarha.

Qal ma sar xejn wara dahar il-kabinett, huwa qal lill-Qorti, u l- “bażi” tal-kuntratt minn idejn Vitals għal Stewart Health Care ma nbidlitx. Muscat qal li mit-taxxi tal-poplu bħalissa qegħdin iħallsu € 64,000 kuljum lil Steward, biċ-ċifra titla ‘għal €250,000 ladarba l-aġġornamenti u r-rinnovamenti kollha msemmija fil-konċessjoni jintlaħqu.

L-eks Prim Ministru ddefenda d-deċiżjoni tal-Gvern tiegħu fl-għażla tal-VGH biex imexxi t-tliet sptarijiet.  Qal li Memorandum of Understanding (MoU) iffirmat bejn il-Malta Enterprise u grupp ta’ investituri privati ​​lejn l-aħħar tal-2014 dwar konċessjoni ta’ sptarijiet ma jaqax fl-ambitu tal-ħtiġijiet tas-servizz tas-saħħa pubbliku.

L-MoU ġie tterminat fil-bidu tal-2015 u l-Gvern ħareġ talba internazzjonali għal proposti. Madankollu, l-istess investituri eventwalment ingħataw l-offerta. Muscat qal fil-Qorti li l-MoU u l-RfP kienu żewġ affarijiet differenti minkejja li l-investituri huma l-istess.

Fuq għadd ta’ mistoqsijiet tal-avukat Edward Debono u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, Muscat iddefenda l-ftehim u ddeffenda bil-qawwa kollha li l-investituri naqsu milli jwettqu xi xogħol. Hawn iżżeffnu fin-nofs ukoll Palumbo, li qal li kien kuntratt simili għal li għamlet din it-tarzna.

L-eks PM insista wkoll li dakinhar il-Ministru tas-saħħa Konrad Mizzi, li kien responsabbli għall-ftehim, ma għamel xejn wara dahar il-Kabinett. Muscat ma setax jiftakar min kien avviċina lil Steward Healthcare biex jieħu f’idejh il-ftehim ta’ konċessjoni meta VGH iffaċċjat diffikultajiet finanzjarji.

“Il-Vitals kellhom iwasslu sptar b’450 sodda?” staqsa Delia lil Muscat, bl-eks Prim Ministru ma jwieġibx u jgħidli li jista’ jiċċekkja l-kuntratt. “Id-dover tiegħek hawn illum hu li twieġeb,” saħaq Delia.  Muscat hawn jgħid li dan hu eżerċizzju politiku.

Fuq l-Iskola Medika ta’ Barts, Muscat jgħid li din kienet kwistjoni ta’ sostenibbiltà. Isemmi li parti mis-soluzzjoni kienet li jitħarrġu studenti barranin f’Għawdex jew li jinġiebu pazjenti barranin.

Kien hawn li Muscat attakka kif sar il-proġett tal-Isptar Mater Dei fi żmien il-Partit Nazzjonalista, li l-eks Prim Minisstru Laburista sejjaħlu ‘state of the art’.

 “Jiġifieri qed tgħidilna li tkejjel kemm jirnexxi kuntratt billi tibbażah fuq il-kisbiet ta’ proġetti passati bħal tal-Isptar Mater Dei?” hawn staqsa Delia lix-xhud. Delia jistaqsi biex jikkonferma li l-Vitals ma kinitx kumpanija Amerikana.

Muscat insista li l-Vitals kellha r-rekwiżiti kollha biex tikkwalifika għall-kuntratt. “Minkejja li Vitals li ma kellha l-ebda esperjenza fl-immaniġġjar tal-isptarijiet, ikkwalifikat?” qal Delia.

Muscat iweġeb li l-għażla kienet ibbażata fuq l-RfP wara sejħa għall-proposti. Dan id-deal diġa’ sewa lill-pajjiż miljuni kbar ta’ ewro mit-taxxi tagħna.

Muscat lanqas ma wieġeb fuq il-konċessjoni li ġiet trasferita lil Stewart Healthcare u li l-Kap Eżekuttiv tal-VGH Ram Tumuluri huwa rrappurtat li xorta rċieva bonus ta’ €5 miljun.

Kif żvelat il-gazzetta ‘il-Mument’ għaddejin trattattivi minn wara dahar il-poplu biex il-ftehim jinbidel. Dan kien konfermat ukoll mill-Prim Ministru meta l-ġimgħa li għaddiet.

Mizzi qal li mar jagħmel test tal-Covid. Dan il-kuntratt tal-isptarijiet diġa’ ġie kkundannat mill-Awditur Ġenerali f’rapport iebes li jipponta lejn konfoffa u manuvri ma’ persuni li lanqas biss kellhom minuta esperjenza fis-settur tas-saħħa.

L-Avukat Edward Debono talab lill-Qorti biex tinforma lill-Awditur Ġenerali jippreżenta l-kuntratt ta’ €100 miljun, kuntratt li minkejja l-isforzi tad-difiża ta’ Adrian Delia u l-Qorti, għadu ma ġiex ippreżentat bħala prova.

Il-Qorti laqgħet it-talba iżda jekk l-Awditur Ġenerali ma jistax joħroġ dan ir-rapport għall-pubbliku, l-istess Qorti se tinformah li dan ikun għad-dispożizjoni tagħha biss.

Konrad Mizzi jerġa’ ma jitfaċċax

Għal ħames darba l-eks Ministru u llum Deputat Konrad Mizzi reġa’ ma tfaċċax biex jixhed fil-Qorti fuq il-każ. Mizzi kien ippreżenta rikors fid-9 ta’ Diċembru fejn qal li kien għamel t-test tal-COVID-19 u ma setax jattendi.

Fil-ġurnata tal-aħħar dehra fil-kawża, dik tat-18 ta’ Jannar, huwa nforma lill-Qorti li kien siefer Londra fil-11 ta’ Jannar u sal-lum u għalhekk ma jistax jattendi, qal ukoll li ma ġiex notifikat, u jinsab fi kwarantina sal-25 ta’ Jannar, u li jinsab maqful ġewwa.

L-Avukat Edward Debono talab lill-Qorti għal provi dwar dan u dwar il-fatt li din kienet il-ħames darba li naqas milli jattendi u li jekk hemm bżonn jiġi ordnat biex jixhed bil-video conferencing.

Vitals Global Health Care, magħruf bħala VGH, ingħata konċessjoni mill-gvern ta’ Muscat biex imexxi l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar ta’ San Luqa u Karin Grech għar-Rijabilitazzjoni. Bħala Ministru tas-saħħa, Mizzi kien responsabbli għall-ftehim. 

Rapport kkundannat tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sab li l-gvern kien iffirma MoU ma’ diversi investituri li eventwalment iffurmaw VGH, xhur qabel saħansitra nħarġet talba internazzjonali għal proposti.

Allegatament f’Awwissu tal-2019 Konrad Mizzi kien daħal fi ftehim ma’ Steward li jekk il-konċessjoni tal-isptarijiet tiġi tterminata b’deċiżjoni tal-Qorti, irrispettivament jekk Steward jikser kuntratt, dan ikun ikkunsidrat bħala ksur ta’ kuntratt minn naħa tal-Gvern u jkun responsabbli u jħallas €100 miljun lil Steward. Il-każ ikompli nhar it-Tnejn, 8 ta’ Frar f’nofs inhar.