Lokali

Konferma oħra li t-tliet sptarijiet qatt ma kellhom jingħataw lil Vitals – PN

“Mix-xhieda li Joseph Muscat illum ta fil-Qorti fil-kawża li jiena ftaħt sabiex it-tliet sptarijiet San Luqa, Karen Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi, ġie kkonfermat li Vitals qatt ma kellhom jieħdu dawn it-tliet sptarijiet.”

Sotna dan l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fejn spjega li Vitals m’għamlu kważi xejn minn dak li suppost li kellu jkun investiment massiċċ fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna u dan minkejja li tħallsu tal-inqas €250,000,000 fuq medda ta’ ħames snin.

Huwa saħaq li Joseph Muscat illum xehed bil-kontra ta’ dak li kien xehed l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, meta qal li l-Kabinett dejjem kien jaf b’kollox. Dan allura jfisser li wieħed minnhom qed jigdeb. Joseph Muscat jaħseb li huwa aċċettabbli li n-nies jinsterqu €68,000 kuljum u lanqas ma ried li jikkumenta dwar il-ftehim li Konrad Mizzi ffirma minn wara dahar kulħadd, li jithallsu €100,000,00 minn flus il-poplu lil Steward jekk dan il-konċessjoni tintemm.

Adrian Delia sostna li l-verita’ kollha hi li Vitals ma ssodisfaw l-ebda wieħed mir-rekwiżiti fil-konċessjoni u Joseph Muscat ikkonferma dan kollu llum. U meta Robert Abela kien qal li se jara l-ftehim u se jiddeċiedi issa wasal iż-żmien li t-tliet sptarijiet tagħna jerġgħu jingħataw lura lin-nies. Robert Abela ma baqalu l-ebda skuża biex issa ma jħassarx dan il-kuntratt oxxen.