“Irrid li dan il-pajjiż jibda jħares lejn l-isport minn lenti differenti. Irrid nara aktar għarfien u rikonoxximent għal dak li jista jagħti l-isport lill-bniedem. L-isport joffri benefiċji fis-saħħa fiżika u dik mentali. Imma rridu anke nħarsu lejn l-isport bħala opportunità. Joffri niċċa ekonomika bħal per eżempju permezz tat-turiżmu sportiv”.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa li kellu lbieraħ mal-Għaqda Ġurnalisti Sport fil-Parlament.
Bernard Grech faħħar ix-xogħol tal-għaqda li ppreżentatlu wkoll diversi proposti li ilha tagħmel, fosthom dik li l-isport jiġi elevat għall-livell ta’ Ministeru. L-Għaqda qed titkellem dwar il-bżonn għall-opportunitajiet akbar ta’ secondment għal persuni li jixtiequ jimirħu fil-kamp sportiv.
Anke dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qabel ma’ din il-proposta u qal li dan ikun mezz ta’ għajnuna diretta fil-qasam li jista’ jiftaħ orizzonti ġodda għal atleti u għal persuni oħrajn li jaħdmu fil-qasam tal-isport, fosthom il-ġurnalisti.
Proposti oħrajn li semma’ l-President tal-Għaqda Sandro Micallef kienu li jiżdiedu l-finanzi f’dan il-qasam, li jsiru sforzi biex id-diversi assoċjazzjonijiet sportivi li bħalissa jinsabu sparpaljati jingħaqdu, u li l-Għaqda tingħata sit li kien imwiegħed lilhom u li l-proċess dwaru twaqqaf ħesrem mill-Gvern.
Dan is-sit hu maħsub li jkun jiġbor fih mużew ta’ memorabilja ta’ personalitijiet sportivi Maltin tal-passat u tal-preżent, kif spjegat is-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Lorraine Cunningham.
Għal din il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar, il-Kelliema dwar il-Wirt Nazzjonali, Arti, Kultura u Media Therese Comodini Cachia, kif ukoll miċ-Chairman tal-fergħa Teamsport Chris Micallef.
//= $special ?>