Lokali

Muscat ifarfar fuq il-Kabinett… u l-Ministri bla risposti dwar id-deal tal-isptarijiet

Joseph Muscat – il-Prim Ministru li bħal daż-żmien sena spiċċa ċeda taħt il-pressjonijiet kbar li sab ma’ wiċċu f’nofs kriżi politika bla precedent, ma wieġeb għall-ebda domanda tal-ġurnalisti li kienu qed jistennewh barra l-Qrati hu u dieħel biex jixhed dwar il-ħadma tal-isptarijiet.

Fost l-ohrajn, Muscat kien mistoqsi għalfejn beda group chat fuq Whatsapp ma’ dak li darba kien l-id il-leminija tieghu, Keith Schembri, u mal-imprenditur Yorgen Fenech,implikat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia,  jumejn biss wara l-arrest tal-middleman fil-omiċidju, Melvin Theuma.

Kien mistoqsi wkoll għalfejn għadu sal-lum joħroġ għonqu u jiddefendi ħadma oħra tal-Gvern Laburista, dakinhar immexxi minnu, bħal ma hu dan id-deal tat-tliet sptarijiet.

Joseph Muscat qed jibqa’ jiddefendi dak li l-Awditur Ġenerali ddeskriva bħala kollużżjoni – jew ħadma – bejn il-Gvern Laburista u interessi privati, biex tfassal ftehim skandaluż li qed jisraq minn but il-Maltin kważi €200,000 kuljum. Bl-eks Prim Ministru issa qed juża t-tattika li jfarfar fuq dawk li, sal-bieraħ, kienu sħabu tal-Grupp Parlamentari.

Ftit tal-ħin wara li ta x-xhieda tiegħu Muscat, staqsejna lill-Ministru Byron Camilleri jekk il-Gvern preżenti hux lest iwaqqa’ dan id-deal skandaluż… iżda hu spiċċa jitkellem dwar il-mediċini u ma weġibniex.

Skomdu immens ukoll il-Ministru Jose Herrera meta għidnilu li Muscat kien għadu kemm ċappas lill-Kabinett kollu b’dan id-deal.

Issa anke dwar dan il-kuntratt li qala’ kritika qawwija minn bosta, u li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jiġġieled biex ireġġa’ lura, il-Gvern ta’ Abela jidher li qed jipprova jillapazza u jraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar, b’rapporti jgħidu li l-Gvern se jħalli l-isptarijiet għand Steward, billi jgħid li se jħallilhom il-management f’idejhom. Storja li kienet kixfet il-gazzetta ‘il-mument’ aktar minn ġimgħa ilu.

Mistoqsi dwar din il-mossa ta’ Abela, Muscat approva din il-kontinwità u awgura lill-Prim Ministru.